Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042
Date Icon 28/11/2026

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, inawgura s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli fil-Ħamrun, wara li saru xogħlijiet estensivi ta’ modernizzazzjoni, bħala parti mill-programm EDU Infrastructure.

 

Permezz ta’ dan il-proġett, is-sala ġiet trasformata fi spazju modern u multifunzjonali, mgħammar b’faċilitajiet speċjalizzati għall-attivitajiet edukattivi, il-provi, il-kunċerti, il-produzzjonijiet teatrali u l-wirjiet artistiċi, f’ambjent adattat għall-ħtiġijiet tal-istudenti, tal-edukaturi u tal-komunità artistika.

 

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li din is-sala qed taqdi diversi ħtiġijiet fis-settur edukattiv, fosthom dawk tal-istudenti tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u tal-Malta Visual and Performing Arts School, li wkoll qed jagħmlu użu minn din il-faċilità.

 

“Flimkien ma’ dan l-investiment, diġà bdejna wkoll ix-xogħlijiet fuq is-sala tal-Malta Visual and Performing Arts School, sabiex din ukoll tkun tista’ titgawda mill-istudenti. Dan il-proġett qed jingħaqad mad-diversi proġetti li qed inwettqu, li wħud minnhom diġà lestejniehom u oħrajn għaddejjin bil-ħidma fuqhom, sabiex inkomplu ntejbu l-ambjent fl-iskejjel tagħna skont il-ħtiġijiet tagħhom,” sostna l-Ministru Camilleri.

 

Fost ix-xogħlijiet ewlenin li saru fis-sala kien hemm l-installazzjoni ta’ pannelli akustiċi sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħoss u jitnaqqas l-eku, it-titjib tas-sistema tad-dawl, l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ arja kundizzjonata, it-tibdil tal-madum u xogħlijiet fuq il-bejt.

 

Inħolqot ukoll kamra apposta għall-kontroll tal-ħoss u tad-dawl waqt il-produzzjonijiet artistiċi, filwaqt li ġew żviluppati żewġ spazji għall-wirjiet, b’palk prinċipali u pjattaforma oħra maħsuba għall-baned u għall-wirjiet mużikali. Fuq il-palk ġie installat ukoll parquet sabiex jinħoloq ambjent aktar adattat għall-provi u għall-wirjiet taż-żfin.

 

Ingħatat ukoll attenzjoni lill-aċċessibbiltà, lis-sigurtà u lill-kumdità ta’ dawk li jagħmlu użu mis-sala, fosthom permezz tal-għażla ta’ kuluri li jgħinu biex jinħoloq ambjent aktar adattat għall-persuni bi ħtiġijiet sensorji.

 

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Matthew Vella, enfasizza kif l-investiment fl-infrastruttura edukattiva jikkontribwixxi għall-iżvilupp sħiħ tal-istudenti.

 

“Permezz tal-programm EDU Infrastructure stajna naraw trasformazzjoni oħra, din id-darba f’din is-sala. Permezz ta’ dan l-investiment se nkunu qed naraw lill-istudenti tagħna jkomplu jiżviluppaw it-talent u l-potenzjal tagħhom, sabiex mhux biss jikbru akkademikament, iżda jiżviluppaw ukoll b’mod ħolistiku u jsiru persuni li jagħmlu ġieħ lil pajjiżna,” qal is-Segretarju Permanenti.

 

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Iskola, Marita Abdilla Bezzina, tkellmet dwar l-importanza li l-istudenti jkollhom ambjent li jispirahom u jħeġġiġhom jagħtu l-aħjar tagħhom waqt il-wirjiet artistiċi.

 

“Dejjem meta nara lit-tfal jagħtu wirja nħossni emozzjonata ħafna. Jien ukoll ġejja minn din l-isfera artistika u għalhekk nifhem dak li jħossu huma u l-eċitament li jġib miegħu kull spettaklu. Ovvjament, sala bħal din tgħin biex il-wirjiet ikunu isbaħ, għaliex meta tkun f’ambjent sabiħ, tħossok li trid tagħti aktar u tersaq aktar lejn il-perfezzjoni,” qalet Marita Abdilla Bezzina.

 

L-istudenta Martina Buscema Calleja esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-faċilitajiet rinnovati, filwaqt li spjegat kif l-ispazju li issa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom se jippermetti lill-istudenti jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fiż-żfin u f’forom oħra ta’ arti, kif ukoll jipprattikaw u jitħejjew għal wirjiet futuri.


Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, imwaqqaf fl-2018, jiġbor fi ħdanu istituzzjonijiet edukattivi speċjalizzati fl-arti viżiva u performattiva, li joffru opportunitajiet ta’ tagħlim fil-mużika, fl-arti, fid-drama u fiż-żfin.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow