STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni
Waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea dwar l-Akkomodazzjoni li sar f’Dublin, l-Irlanda, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici tenna l-impenn ta’ Malta favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-komunitajiet.
F'dan il-Kunsill Informali ħadu sehem ukoll pajjiżi Ewropej mhux membri fl-UE u kif ukoll rappreżentanti ta’ diversi istituzzjonijiet u entitajiet marbuta mas-settur.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li dar mhijiex sempliċiment saqaf fuq ras persuna, iżda sors ta’ sigurtà, stabbiltà u dinjità u għalhekk il-qasam tal-akkomodazzjoni għandu jibqa’ jingħata prijorità fuq livell Ewropew.
Il-Ministru Bonnici rrefera għall-proġetti f’Malta li se jwasslu għall-provvista ta’ mijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali ġodda f’diversi lokalitajiet. Semma wkoll l-iskema Nikru biex Nassistu li biha l-Gvern jikri mill-privat units eżistenti u battala, biex il-proprjetà tinkera lil persuni ġenwinament vulnerabbli li jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru Bonnici għamel referenza wkoll għall-pjan tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, li fis-snin li ġejjin se tkun qed tipprovdi numru ta' units f’għadd ta’ lokalitajiet bi prezzijiet 30% inqas minn dawk tas-suq skont kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern Malti.
Huwa fakkar ukoll fil-miżuri li ħa l-Gvern Malti li jiffaċilitaw ix-xiri tal-ewwel dar, fosthom l-għotja ta’ €10,000 fuq għaxar snin, kif ukoll l-iskemi ta’ garanzija fuq id-depożitu, l-iskema New Hope u l-Equity Sharing.
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li l-kooperazzjoni Ewropea għandha tkompli ssaħħaħ u tassisti l-isforzi tal-pajjiżi, filwaqt li tirrispetta r-realtajiet differenti tagħhom, sabiex kull persuna jkollha l-opportunità li tgħix f’dar sigura u affordabbli u tibni l-futur tagħha b’dinjità u stabbiltà.
Other Press Releases:
PR262027en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...
PR262027