STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru marittimu internazzjonali
Il-Ministru Chris Bonett jiftaħ l-konferenza internazzjonali Maritime World 2026 fil-Belt Valletta
Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett fetaħ il-konferenza internazzjonali Maritime World 2026 billi enfasizza l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru marittimu internazzjonali, filwaqt li toħloq aktar opportunitajiet ta’ investiment, innovazzjoni u kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-industrija.
Din l-konferenza qed tlaqqa’ f’Malta rappreżentanti tal-industrija marittima internazzjonali, fosthom sidien tal-bastimenti, operaturi tal-portijiet, investituri, esperti u professjonisti, biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċja s-settur.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonett sostna li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta, flimkien mal-esperjenza u l-kompetenza li żviluppat matul is-snin, kienu fundamentali biex pajjiżna jibni industrija marittima b’saħħitha u rikonoxxuta internazzjonalment.
“Għal Malta, il-konnettività marittima mhijiex sempliċiment settur ieħor tal-ekonomija tagħna. Hija essenzjali għas-sigurtà ekonomika, għall-kompetittività u għall-kwalità tal-ħajja tan-nies. Minkejja ċ-ċokon tagħna, Malta bniet reputazzjoni b’saħħitha fil-qasam marittimu, kemm fid-diskussjonijiet Ewropej dwar l-ETS kif ukoll fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Din ir-reputazzjoni tfisser li meta Malta titkellem, il-pożizzjoni tagħha tinstema’ u tingħata piż u għalhekk se nkomplu nużaw din il-kredibbiltà biex niddefendu l-interessi ta’ pajjiżna, insaħħu l-pożizzjoni tal-bandiera Maltija u nikkontribwixxu għad-deċiżjonijiet li se jsawru l-futur tal-industrija marittima,” qal il-Ministru Bonett.
Huwa rrefera wkoll għall-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija marittima, fosthom l-iżviluppi ġeopolitiċi, it-tibdil fir-rotot kummerċjali internazzjonali, l-ostakli fil-katini tal-provvista, l-avvanzi teknoloġiċi u t-tranżizzjoni lejn tbaħħir aktar sostenibbli.
Il-Ministru saħaq li dawn l-isfidi jeħtieġu kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-operaturi privati. F’dan il-kuntest, sostna li konferenzi bħal Maritime World joħolqu opportunitajiet importanti biex l-esperjenza tal-industrija tissarraf f’soluzzjonijiet konkreti u relazzjonijiet kummerċjali ġodda.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard, enfasizza dwar l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-infrastruttura marittima ta’ Malta, bil-għan li l-portijiet tagħna jkunu aktar moderni, reżiljenti u sostenibbli. Fid-diskors tiegħu l-Ministru tkellem dwar l-importanza ta’ proġetti bħall-Onshore Power Supply fil-Port il-Kbir, li permezz tagħhom qed jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis, filwaqt li jitjiebu l-kwalità tal-arja u l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tal-madwar.
“Fil-Budget 2027 żidna b’aktar mid-doppju l-investiment allokat għall-infrastruttura marittima, għaliex nagħrfu l-importanza strateġika li l-portijiet tagħna għandhom għall-futur ta’ Malta. Dan l-investiment jirrifletti l-viżjoni tagħna li nibnu portijiet aktar effiċjenti, reżiljenti u sostenibbli, filwaqt li niżguraw li l-komunitajiet li għal ġenerazzjonijiet sħaħ għexu qrib il-portijiet ikomplu jibbenefikaw mill-iżvilupp tagħhom. Għalina, l-investiment f’portijiet sostenibbli u reżiljenti mhuwiex biss investiment fl-infrastruttura, iżda investiment fl-ekonomija, fin-nies u fil-futur ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Attard.
Matul il-konferenza qed jipparteċipaw ukoll rappreżentanti ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom Grimaldi Group u CMA CGM, kif ukoll rappreżentanti tal-Malta Maritime Forum, il-Comité Maritime International, il-Malta International Shipowners Association u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Ministru Bonett temm billi rringrazzja lill-organizzaturi talli għal darb’oħra għażlu lil Malta biex tospita din il-konferenza. Huwa tenna li l-ambizzjoni ta’ Malta mhijiex biss li tibqa’ rikonoxxuta bħala ċentru marittimu, iżda wkoll li tkun pajjiż fejn il-komunità marittima internazzjonali tiltaqa’, tiddiskuti l-isfidi tas-settur u tiżviluppa opportunitajiet ġodda ta’ negozju u kollaborazzjoni.
Din il-konferenza internazzjonali Maritime World 2026 qed issir fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran, fil-Belt Valletta, bejn il-25 u s-27 ta’ Novembru.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en