STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti nedew l-Iskema Familja+, inizjattiva li għandha l-għan li tgħin lil tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Fuq medda ta’ sentejn, l-iskema mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla, b’appoġġ skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet ta’ kull familja.
Il-proġett, jirrappreżenta investiment ta’ €4.7 miljun, li minnhom madwar €2.83 miljun ġejjin mill-Fond Soċjali Ewropew Plus. Il-kontribut Ewropew ikopri 60% tal-valur tal-proġett, filwaqt li l-kumplament huwa ffinanzjat minn fondi nazzjonali.
Il-familji eliġibbli se jkunu jistgħu jaċċessaw il-benefiċċji permezz tal-pjattaforma diġitali Familja+, b’allokazzjoni massima ta’ €700 fis-sena għal kull tifel jew tifla. Dan il-finanzjament jista’ jmur għal oġġetti essenzjali tad-dar bħal xiri t’għamara u aċċessorji oħra tad-dar immirati biex issaħħu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal.
Ġenituri jew dawk li għandhom kura tat-tfal jistgħu jagħżlu illi flok din l-assistenza għall-oġġetti essenzjali msemmija jirċievu għajnuna finanzjarja sa’ €400 għal kull tifel jew tifla, għal servizzi ta’ benesseri mentali u sa’ €300 oħra li jistgħu jintużaw għall-attivitajiet extra-kurrikulari. L-għan aħħari huwa sabiex nippromwovu il-ħarsien emozzjonali, żvilupp personali u inklużjoni soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan l-appoġġ se jgħin lill-familji jindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati tagħhom u jagħti lit-tfal aktar opportunitajiet biex jieħdu sehem f’attivitajiet li jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ tfal oħra. ‘‘Dan huwa proġett ambizzjuż u kuraġġuż li ser ikompli jagħti dinjità lil kull tifel u tifla. F’Jannar li ġej ser nagħtu din l-opportunità ġdida li tingħaqad ma’ kullana ta’ benefiċċji oħra li joħolqu aktar ugwaljanza u ġustizzja soċjali,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li din l-iskema qed issarraf il-finanzjament Ewropew f’għajnuna u servizzi konkreti għall-familji. “Permezz tal-Iskema Familja+, qed nużaw il-fondi Ewropej sabiex inkunu ta’ spalla għall-familji meta jkollhom bżonnha u sabiex uliedhom ikollhom aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom,” qal il-Ministru.
L-inizjattiva tagħmel parti mill-ħidma tal-Gvern biex iwettaq l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija għat-Tfal 2022–2030 u tal-Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030, b’enfasi fuq il-benesseri u l-inklużjoni soċjali tat-tfal.
Min-naħa tagħha d-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Alexia Vella, li ħadet ħsieb l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, qalet li apparti din l-għajnuna, se jingħata appoġġ ta’ €1,500 f’terapija speċjalizzata fil-luttu lil tfal eliġibbli. Dawn it-tfal ikunu tilfu ġenitur jew persuna qrib tagħhom li kienet tieħu ħsiebhom. Spjegat ukoll li l-familji se jiġu mħeġġa jieħdu sehem f’korsijiet ta’ taħriġ biex isaħħu l-ħiliet tagħhom fil-kapaċità finanzjarja u t-trobbija pożittiva.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025