STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Il-Ministru Silvio Schembri jniedi t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali fil-ftuħ tat-Tech Xpo
Fil-ftuħ tat-Tech Xpo, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri nieda t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali. L-istrateġija tinkludi 86 miżura għas-snin 2026-2030 biex iċ-ċittadini, in-negozji, l-istituzzjonijiet pubbliċi u r-riċerkaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-AI, b’miżuri li huma maħsuba apposta biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tal-Viżjoni Malta 2050.
Il-Ministru Schembri ħabbar li twettqu madwar 80 fil-mija tal-azzjonijiet tal-ewwel strateġija u spjega li t-tieni strateġija tibni fuq dak li sar u tqiegħed il-fiduċja tal-pubbliku fiċ-ċentru ta’ kif Malta tiżviluppa u tuża l-AI. Żied jgħid li s-suċċess se jitkejjel mit-titjib fis-servizzi pubbliċi, miż-żieda fil-produttività tan-negozji u mill-opportunitajiet li jinfetħu għan-nies f’Malta u Għawdex.
Fit-tfassil tal-istrateġija taw sehemhom aktar minn 25 espert u ġew ikkonsultati aktar minn 70 persuna individwalment jew fi gruppi żgħar. Aktar minn 100 entità ressqu l-fehmiet tagħhom, filwaqt li aktar minn 350 persuna ħadu sehem f’seba’ workshops pubbliċi u settorjali.
Permezz ta’ AI Għal Kulħadd, il-Gvern se jwessa’ l-aċċess għat-taħriġ u għall-għodod tal-AI. L-istrateġija tappoġġja wkoll l-użu tal-Malti fl-għodod diġitali u tħares lejn kif l-AI tista’ tgħin fil-ħarsien u fil-promozzjoni tal-wirt kulturali. In-negozji se jingħataw appoġġ finanzjarju biex jadottaw l-AI b’mod responsabbli, gwida minn mentors, pariri dwar il-konformità u ċ-ċibersigurtà, kif ukoll aċċess għad-data u għar-riżorsi tal-kompjuters permezz ta’ CALYPSO.
Fis-settur pubbliku, iċ-Chief AI Officer u l-Kunsill tal-AI se jgħinu biex jiġi kkoordinat l-użu tal-AI, b’attenzjoni għall-privatezza, it-trasparenza u s-sorveljanza umana. L-istrateġija tappoġġja wkoll ir-riċerka permezz ta’ għotjiet, boroż ta’ studju, rabtiet aktar b’saħħithom mal-industrija u kollaborazzjoni internazzjonali.
Il-Ministru Schembri qal li l-Gvern se jirrevedi l-miżuri regolarment biex jara x’qed iwasslu fil-prattika u jaġġustahom skont kif tiżviluppa t-teknoloġija. L-għan hu li Malta jkollha l-ħiliet u l-kapaċità ta’ riċerka biex tuża l-AI u tiżviluppa s-soluzzjonijiet tagħha stess.
Il-Ministru Schembri ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għat-Tech Xpo, li qed
jittella’ fl-MFCC Ta’ Qali, b’biljetti b’xejn disponibbli fuq techxpo.eu.
L-avveniment se jkun miftuħ għada, il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru, bejn it-8:30am u
s-2:00pm, u nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru bejn l-10:00am u l-4:30pm. Huwa ħeġġeġ
lill-pubbliku biex jieħu din l-opportunità biex jesperjenza mill-qrib l-aħħar
innovazzjonijiet teknoloġiċi u jiskopri aktar dwar il-potenzjal
tal-intelliġenza artifiċjali. Tech Xpo joffri opportunità għal kulħadd, minn
studenti u familji sa professjonisti u imprendituri, biex jitgħallmu, jesploraw
u jispiraw ruħhom mill-innovazzjoni, filwaqt li jkomplu jifhmu kif Malta qed
tħejji ruħha għall-futur diġitali.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en