Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020
Date Icon 26/11/2026

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne kien f’Berlin għal laqgħat mal-Ministru Federali għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja Johann Wadephul u mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej Gunther Krichbaum.

 

Is-sigurtà kienet fuq quddiem nett tal-aġenda. Il-Ministru Fearne tkellem dwar il-gwerra fl-Ukrajna u kif il-konsegwenzi tagħha qed jinħassu dejjem aktar lil hinn miż-żona tal-kunflitt. Huwa rrefera b’mod partikolari għall-attakki fuq bastimenti fil-Baħar Baltiku u fil-Mediterran, u saħaq li għal pajjiż marittimu bħal Malta, dawn l-iżviluppi għandhom implikazzjonijiet importanti għas-sigurtà marittima, il-konnettività ekonomika u l-istabbiltà fir-reġjun.

 

“Kull pass li nagħmlu barra minn pajjiżna huwa mmexxi mis-sigurtà ta’ Malta u mill-interessi tal-poplu tagħna,” sostna l-Ministru Fearne. “Is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran huma fundamentali għall-prosperità ta’ pajjiżna. Iżda s-sigurtà fil-Mediterran mhijiex kwistjoni li tikkonċerna lil Malta biss. Hija importanti għall-Ewropa kollha u għandha tingħata l-attenzjoni li jixirqilha. Huwa għalhekk li se nkomplu ninvestu fid-diplomazija u f’relazzjonijiet mill-qrib ma’ pajjiżi bħall-Ġermanja.”

 

Il-Ministru Fearne spjega wkoll il-prijoritajiet ta’ Malta għat-tfassil tal-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq oqsma fejn Malta u l-Ġermanja jistgħu jsibu pożizzjonijiet komuni, filwaqt li l-Ministru enfasizza l-importanza li jinbena qbil sa mill-bidu tan-negozjati. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta li tħares l-interessi nazzjonali tagħha permezz ta’ djalogu kostruttiv, bil-għan li jintlaħaq ftehim li jqis il-ħtiġijiet partikolari ta’ pajjiżna filwaqt li jservi wkoll l-għanijiet komuni Ewropej.

 

Matul iż-żjara, il-Ministru Fearne ltaqa’ wkoll ma’ Steffen Kampeter, il-Kap Eżekuttiv tal-Konfederazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet ta’ Min Iħaddem fil-Ġermanja. Iż-żewġ naħat qablu dwar il-ħtieġa li l-Ewropa ssir aktar kompetittiva u dwar l-opportunitajiet li dan jista’ joħloq għal aktar kooperazzjoni ekonomika bejn Malta u l-Ġermanja.

 

Il-Ministru kellu wkoll laqgħa ma’ Armin Laschet, iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Federali Ġermaniż.

 

Matul il-laqgħat tiegħu f’Berlin, il-Ministru Fearne tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli tibni fuq ir-relazzjonijiet b’saħħithom u fit-tul mal-Ġermanja, filwaqt li tkompli twessa’ l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  F’Malta ttieħdu passi importanti biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tan-nisa

PR262019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI F’Malta tt...

More Press Releases Right arrow