STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI F’Malta ttieħdu passi importanti biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tan-nisa
F’Malta ttieħdu passi importanti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tan-nisa, fosthom l-emendi fil-liġi kriminali tal-2022 li introduċew il-femiċidju bħala fattur aggravanti f’każijiet ta’ qtil. Qed isiru wkoll riformi leġiżlattivi biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar qalet dan waqt attività organizzata mill-Ambaxxata tal-Italja fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, li matulha ġie inawgurat bank simboliku magħruf bħala l-‘Panchina Rossa’, bank aħmar bit-Taljan, fir-Residenza tal-Ambaxxatriċi tal-Italja Valentina Setta.
Il-bank aħmar huwa simbolu ta’ tifkira tan-nisa li tilfu ħajjithom minħabba l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. L-attività mmarkat ukoll il-bidu tas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, li jibqgħu għaddejjin sal-10 ta’ Diċembru, f’Jum id-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Ministru Cutajar saħqet fuq l-importanza li s-soċjetà tagħraf is-sinjali tal-vjolenza fuq in-nisa qabel ma din teskala, filwaqt li enfasizzat li l-vjolenza fuq in-nisa qatt m’għandha tiġi aċċettata, skużata jew injorata.
“Il-vjolenza mhux dejjem tibda bl-abbuż fiżiku. Tista’ tibda b’imġieba ta’ kontroll, għira, umiljazzjoni, manipulazzjoni jew fastidju. Dawn l-imġibiet kultant jiġu skużati jew saħansitra jitqiesu bħala espressjonijiet ta’ mħabba. Għandna nagħrfu dawn is-sinjali u nsejħulhom għal dak li huma,” qalet il-Ministru.
Il-Ministru enfasizzat li l-prevenzjoni tfisser li l-vjolenza tiġi rikonoxxuta qabel ma teskala, kultant b’konsegwenzi traġiċi. Għalhekk, il-bank li ġie inawgurat għandu jservi mhux biss bħala tifkira tan-nisa li tilfu ħajjithom, iżda wkoll bħala tfakkira tar-responsabbiltà tagħna bħala soċjetà li nipproteġu lil dawk li jistgħu jkunu għadhom f’riskju.
Il-Ministru Cutajar semmiet ukoll kif fil-Budget 2027 tħabbru krediti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sa sentejn għall-vittmi tal-vjolenza domestika li jkollhom jieqfu mix-xogħol. Dan filwaqt li fil-manifest elettorali hemm ukoll il-proposta għall-introduzzjoni ta’ ħamest ijiem ta’ Family Violence Leave, sabiex persuni li jkunu qed jesperjenzaw vjolenza domestika jkollhom iż-żmien meħtieġ biex ifittxu l-għajnuna, jaċċessaw is-servizzi ta’ appoġġ u jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Hija sostniet li l-Gvern huwa determinat li jkompli jressaq din il-proposta ’l quddiem.
Il-Ministru kompliet li dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn tal-Gvern mhux biss li jipproteġi lill-vittmi, iżda wkoll li jgħinhom jerġgħu jibnu ħajjithom b’dinjità u b’indipendenza. Hija rrikonoxxiet ukoll il-ħidma importanti tal-għaqdiet mhux governattivi, tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tal-professjonisti li jaħdmu direttament ma’ vittmi tal-vjolenza, li l-kontribut tagħhom huwa essenzjali.
“Dan il-bank li qed jiġi inawgurat illum huwa simbolu ta’ tifkira, iżda għandu jkun ukoll simbolu ta’ azzjoni. Tfakkarna fin-nisa li tlifna u fir-responsabbiltà tagħna li nipproteġu lil dawk li jistgħu jkunu għadhom f’riskju. Il-messaġġ tagħna għandu jkun ċar: il-vjolenza fuq in-nisa qatt m’għandha tiġi aċċettata, skużata jew injorata,” temmet tgħid il-Ministru Cutajar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020