STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika
F’konferenza nazzjonali dwar il-vjolenza domestika bit-tema ‘Protect Survivors. Ensure Justice’, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li jiġi mfakkar fil-25 ta’ Novembru, l-Aġenzija Appoġġ kompliet tqajjem aktar għarfien, tinkoraġġixxi d-diskussjoni u ssaħħaħ l-impenn kollettiv fil-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza.
Il-konferenza saret fil-kuntest tal-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, li bdiet fil-25 ta’ Novembru u tintemm fl-10 ta’ Diċembru, f’Jum id-Drittijiet tal-Bniedem. It-tema tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2026, “UNiTE to End Violence Against Women and Girls: Ensure Justice, Protect Survivors, End Impunity”, tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ġustizzja effettiva, jiġu pprotetti l-vittmi u s-superstiti tal-vjolenza u tintemm l-impunità.
Fid-diskors tagħha, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li t-tema tal-konferenza nazzjonali tal-lum ‘Protect Survivors. Ensure Justice’, tirrifletti r-responsabbiltà kollettiva li għandna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
“Irridu nkomplu noħolqu ambjent fejn il-vittmi jħossuhom siguri li jitkellmu, li jfittxu l-għajnuna u li jsibu s-sostenn meħtieġ. Li nassiguraw il-ġustizzja jfisser li ebda forma ta’ vjolenza ma tiġi ttollerata, iġġustifikata jew normalizzata. Bħala soċjetà rridu nkomplu naħdmu sabiex ħadd ma jkollu jbati fis-skiet u sabiex kulħadd ikun jista’ jgħix fis-sigurtà, fil-libertà u bid-dinjità,” sostniet Dr Lydia Abela.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon insista li kull tip ta’ vjolenza hija inaċċetabbli kemm jekk hija waħda fiżika u anke dik emozzjonali. Huwa stqarr li kull persuna f’soċjetà għandha tħossha sigura u komda tgħix mingħajr biża’.
“L-obbligu tagħna jibqa’ dak li nipproteġu u nagħtu l-għajnuna lil kull persuna li tesperjenza l-vjolenza mingħajr ebda diskriminazzjoni. Kontinwament qed insaħħu l-għodod u s-sapport sabiex kemm jista’ jkun nipprevjenu eskalazzjoni ta’ vjolenza u konsegwenzi serji”, saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar qalet li l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa trid tibda ħafna qabel ma l-vjolenza tasal għall-aktar forma estrema tagħha, billi nagħrfu u nindirizzaw l-ewwel sinjali ta’ kontroll, abbuż u mġiba li s-soċjetà għadha wisq drabi tinnormalizza. Hija saħqet li l-vittmi m’għandhomx jiġu ġġudikati, iżda li l-awturi għandhom jinżammu responsabbli.
Il-Ministru Cutajar sostniet li l-vjolenza fuq in-nisa mhijiex kwistjoni privata, iżda responsabbiltà tas-soċjetà u kwistjoni fundamentali ta’ ugwaljanza. Hija appellat biex ma nibqgħux inħawdu l-kontroll mal-kura, l-għira mal-imħabba u s-skiet mal-kunsens, u biex inkomplu nimxu mill-għarfien lejn ir-rikonoxximent u l-prevenzjoni tal-vjolenza.
Vanessa Frazier, id-diplomatika Maltija li hija wkoll ir-rappreżentant speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tfal u għall-kunflitti armati, tkellmet dwar l-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti biex jinqatgħu l-vjolenza kontra n-nisa u n-nisa żgħażagħ, kemm fi żmien il-paċi kif ukoll fi żmien il-kunflitt. Frazier enfasizzat li t-tisħiħ tal-għarfien irid jiġi akkumpanjat minn azzjoni konkreta, impenn politiku kontinwu u riżorsi adegwati. Hawnhekk tkellmet dwar l-importanza ta’ ġustizzja aċċessibbli, mekkaniżmi ta’ prevenzjoni effettivi u responsabbiltà għal min iwettaq il-vjolenza.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, saħaq fuq l-importanza ta’ ħidma komprensiva fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, permezz tal-prevenzjoni, l-intervent, il-protezzjoni u s-servizzi speċjalizzati għall-vittmi u l-familji tagħhom. Huwa spjega li matul l-2025, l-FSWS irreġistrat 2,844 każ li involvew 2,622 persuna, filwaqt li nnota żieda fl-għadd ta’ rġiel li qed ifittxu l-għajnuna. Is-Sur Grixti ħabbar ukoll li nkiseb il-finanzjament għall-estensjoni tax-xelter Għabex, li se tinkludi 14-il appartament żgħir, filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-vjolenza psikoloġika fuq it-tfal. Huwa temm billi enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet, il-kampanji ta’ għarfien u l-prevenzjoni, sabiex titkompla l-ħidma lejn soċjetà ħielsa mill-vjolenza, mill-biża’ u mill-abbuż.
Permezz ta’ din il-konferenza, l-Aġenzija Appoġġ qed iġġedded l-impenn tagħha li tkompli taħdem favur soċjetà aktar sigura, inklużiva u ħielsa mill-vjolenza għax il-vjolenza ma tagħmilx distinzjoni u l-protezzjoni, il-ġustizzja u d-dinjità għandhom ikunu garantiti għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en