STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award
Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Maltin fid-Duke of Edinburgh’s International Award żdiedet b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar tliet snin, minn madwar 90 parteċipant fl-2023 għal kważi 900 din is-sena. Din iż-żieda tirrifletti l-ħidma li qed issir biex aktar żgħażagħ jingħataw opportunitajiet jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, isaħħu l-kunfidenza fihom infushom u jagħtu kontribut pożittiv lill-komunità.
Dan ħareġ waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Bronze u s-Silver Awards, li għaliha attendew il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri u l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Farrugia faħħret il-ħidma taż-żgħażagħ li, permezz ta’ dan il-programm, qed jitgħallmu l-valur tal-volontarjat, il-perseveranza u r-responsabbiltà soċjali. Hija rrimarkat b’sodisfazzjon fuq iż-żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ, minn 90 għal kważi 900 fi tliet snin. Il-Ministru saħqet li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi bħal dawn permezz ta’ investiment fis-settur tal-volontarjat, kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi u aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ ikunu protagonisti fil-komunitajiet tagħhom.
“Dan il-gvern jemmen fiż-żgħażagħ tagħna u fil-potenzjal tagħhom. Għalina, l-investiment fiż-żgħażagħ u l-volontarjat mhuwiex spiża, iżda investiment fil-Malta li rridu nħallu lil uliedna. Se nkomplu nsaħħu l-għaqdiet volontarji u noħolqu aktar opportunitajiet biex kull żagħżugħ u żagħżugħa, irrispettivament mill-abbiltajiet jew miċ-ċirkostanzi tagħhom, ikollhom iċ-ċans li jirnexxu. Irridu soċjetà fejn ħadd ma jitħalla lura u fejn kull talent jingħata l-opportunità li jispikka,” qalet il-Ministru Farrugia.
Din is-sena timmarka wkoll il-65 anniversarju tad-Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta u s-70 anniversarju tal-programm fuq livell internazzjonali. Bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, ġiet organizzata inizjattiva ta’ tħawwil ta’ siġar, bl-appoġġ tas-Civil Society Fund amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Il-programm tad-Duke of Edinburgh’s International Award joffri liż-żgħażagħ bejn l-14 u l-24 sena opportunitajiet ta’ żvilupp personali permezz tal-volontarjat, l-attività fiżika, l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u esperjenzi li jsaħħu l-ħidma f’tim u l-indipendenza. Il-Bronze u s-Silver Awards huma rikonoxxuti fil-livelli 2 u 3 rispettivament tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF).
Il-Ministru Farrugia temmet billi rringrazzjat lill-ġenituri, lill-edukaturi, lill-voluntiera u lill-Award Leaders għall-impenn tagħhom, filwaqt li wasslet messaġġ liż-żgħażagħ preżenti. “M’għandkomx għalfejn tistennew sa għada biex tbiddlu d-dinja. Intom diġà qed tagħmlu differenza llum. Kull siegħa li tagħtu lil ħaddieħor, kull ġest ta’ solidarjetà u kull persuna li tgħinu huma prova li l-futur ta’ pajjiżna jinsab f’idejn tajba,” qalet il-Ministru Julia Farrugia.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq li, filwaqt li l-edukazzjoni akkademika hija
importanti ħafna, daqstant ieħor huwa importanti li jippreparaw lit-tfal u
liż-żgħażagħ sabiex jiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja u jkunu persuni aħjar
fis-soċjetà ta’ għada.
“Dan it-taħriġ huwa proprju mmirat lejn l-iżvilupp ta’ ħiliet bħall-ħidma f’tim, il-volontarjat u ħiliet oħra importanti li mhux dejjem jingħataw l-istess enfasi fil-klassi, iżda li jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ fl-iżvilupp personali tagħhom. Għalhekk, ippermettuli nifraħ lil kull wieħed u waħda minnhom għall-progress kbir li għamlu, li żgur għada pitgħada se jgawdu minnu,” sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Omar Farrugia qal, “Dawn huma stejjer ta’ suċċess li jagħtu sodisfazzjon kbir meta naraw żgħażagħ li qed jiffjorixxu t-talenti tagħhom b’kunfidenza u bi skills li jitgħallmuhom ’il bogħod mill-iskola. Dawn l-Awards jawguraw tajjeb fil-formazzjoni taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”
Stqarrijiet Oħra:
PR262016en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...
PR262016