STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €13-il miljun fl-oqsma tat-teknoloġija, is-servizzi regolatorji u l-avjazzjoni
- L-inċentiv tal-Malta Enterprise bi krediti ta’ taxxa li laħqu t-€2.3 miljun kien kruċjali għal dan l-investiment
- Sa minn meta bdiet topera f’Malta, il-kumpanija Arringo investiet €20 miljun
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura proġett b’investiment ta’ €13-il miljun. Dan se jfisser li kumpanija li ilha topera f’pajjiżna mill-2018 issa stabbilixxiet il-headquarters prinċipali tagħha f’Malta.
Il-proġett ibbenefika minn €2.3 miljun fi krediti ta’ taxxa mill-Malta Enterprise u kien jinkludi programm estensiv ta’ rinnovar tal-binja li dam għaddej diversi snin. Il-kwartieri ġenerali se jkomplu t-triq ta’ espansjoni internazzjonali tal-kumpanija, se jwasslu għal żieda fl-impjiegi, kif ukoll għal aktar żvilupp teknoloġiku.
Il-Prim Ministru qal li dan huwa proġett ieħor mal-bosta li inawgura fl-aħħar jiem u li jimxu id f’id mal-viżjoni tal-Gvern għall-futur.
“Dak li huwa partikularment inkoraġġanti fit-tkabbir ta’ Arringo huwa l-fatt li dan jirrifletti preċiżament id-direzzjoni ekonomika li rridu nkomplu nħaddnu bħala pajjiż. Ekonomija dejjem aktar imsejsa fuq attivitajiet b’valur miżjud ogħla, l-avvanz teknoloġiku, l-innovazzjoni, is-servizzi speċjalizzati u l-investiment kontinwu fil-kapital uman,” sostna l-Prim Ministru.
Dr Abela qal li l-ambizzjoni tal-Gvern mhix sempliċiment li tikber l-ekonomija, iżda wkoll li togħla fil-kwalità tat-tkabbir. B’hekk dan jissarraf f’karrieri, pagi u kwalità ta’ ħajja aħjar. “Is-suċċess ta’ Arringo huwa eżempju konkret tat-trasformazzjoni ekonomika li rridu nwettqu f’pajjiżna,” kompla jgħid Dr Abela.
Arringo bħalissa tħaddem 150 persuna, b’aktar minn 50% minnhom huma Maltin. Sa mill-2018, il-kumpanija rdoppjat il-ħaddiema u ffukat fuq reklutaġġ ta’ Maltin u Għawdxin u żvilupp ta’ taħriġ.
Il-Prim Ministru qal li l-istabbiltà ekonomika, iċ-ċertezza, il-prevedibbiltà u fuq kollox id-direzzjoni huma dawk il-fatturi li jfittxu l-investituri u li proprju dan il-gvern offra, permezz ta’ diversi policies matul is-snin, fosthom is-sussidji fuq l-enerġija.
“Fl-aħħar budget li ħabbarna u permezz tal-Viżjoni Malta 2050 qed inħejju s-sisien li fuqhom se tkun qed tinħoloq il-qabża ekonomika li jmiss. Se tkun qabża ekonomika li fiha il-produttività, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni u attivitajiet ekonomiċi ta’ valur għoli se jilagħbu rwol importanti,” qal il-Prim Ministru.
Huwa semma l-għajnuna mogħtija mill-Malta Enterprise u ddeskrivieha bħala eżempju tanġibbli tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat.
F’kummenti, is-sid tal-kumpanija, Adrian Kreter, esprima sens ta’ apprezzament għall-preżenza tal-Prim Ministru għall-ftuħ ta’ Arringo Tower.
“L-inawgurazzjoni ta’ Arringo Tower timmarka pass importanti fl-iżvilupp strateġiku tal-grupp tagħna. Dan l-investiment sinifikanti huwa xhieda oħra tal-fiduċja kontinwa tagħna f’Malta bħala ċentru ekonomiku b’saħħtu u destinazzjoni attraenti għan-negozju u l-investiment,” qal is-Sur Kreter.
Sa mill-2018, Adrian Kreter investa xejn inqas minn €20 miljun fit-teknoloġija, fis-servizzi regolatorji u fl-avjazzjoni, permezz tal-kumpaniji Arringo Ltd, ArriTech Ltd u AK Aviation Ltd.
Il-kumpanija tispeċjalizza f’xogħol backoffice, customer operations, IT u l-iżvilupp ta’ software.
It-teknoloġija u l-innovazzjoni kienu karatteristiċi kruċjali għall-iżvilupp tal-kumpanija sabiex toffri soluzzjonijiet lill-klijenti internazzjonali.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, George Gregory.
Stqarrijiet Oħra:
PR262014
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...
PR262013