Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi ktieb li se jwassal l-imħabba għall-qari u n-natura lil 2,000 tifel u tifla

PR262009
Date Icon 24/11/2026

Dan il-proġett huwa ffinanzjat minn skema tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat


L-ewwel ktieb fl-avventuri ta’ Katerina, in-Naħla Maltija, ġie mniedi mill-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija u huwa parti minn proġett li jgħin biex titqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar l-importanza tal-bijodiversità u l-ħarsien tal-ambjent naturali. Bl-isem Katerina fl-Abitati Maltin, dan il-ktieb huwa l-ewwel avventura ta’ Katerina, il-mascot li tirrappreżenta lin-Naħla Maltija. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mis-Small Initiatives Support Scheme (SIS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

 

L-istorja tgħaqqad elementi ta’ tagħrif dwar il-ħajja naturali Maltija ma’ narrattiva immaġinattiva maħsuba biex tħeġġeġ il-kurżità u l-imħabba għan-natura fost il-qarrejja żgħar.

 

Il-ktieb, miktub minn Clare Azzopardi u Leanne Ellul, u illustrat minn Samuel Casha, huwa maħsub għal tfal ta’ bejn is-7 u t-8 snin u se jitqassam b’xejn f’diversi skejjel primarji madwar Malta. Din l-inizjattiva tkompli fuq il-proġetti preċedenti tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, li inkludew dokumentarju dwar in-Naħla Maltija u l-introduzzjoni ta’ Katerina permezz ta’ kanzunetti oriġinali u filmati edukattivi, li kisbu popolarità fost it-tfal.

 

Waqt it-tnedija tal-ktieb, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia qalet li, “Kull tifel u tifla għandhom jingħataw l-opportunità li jiskopru, joħolmu u jitgħallmu. Permezz ta’ Katerina, qed inressqu lit-tfal eqreb lejn il-qari bil-Malti u ngħinuhom japprezzaw il-ġmiel u l-valur tan-natura ta’ pajjiżna. Dan huwa investiment li jibda minn ktieb, iżda jkompli fil-kurżità u fl-għarfien li jnissel fit-tfal tagħna. Bħala Gvern se nkomplu nsostnu lill-għaqdiet volontarji biex ideat bħal dawn isiru proġetti li jaslu għand il-familji u fl-iskejjel tagħna. Nemmnu fil-ħidma tagħhom u rridu nagħtuhom l-għodod biex iwettquha. Għalhekk se nkomplu ninvestu fi skemi li jagħtu spazju lill-kreattività, isaħħu l-edukazzjoni u jħallu ġid fil-komunità. Għax meta nappoġġjaw il-volontarjat, inkunu qed ninvestu wkoll fil-futur ta’ wliedna.”


Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, qal li, “Permezz tal-iskema SIS, il-Kunsill ikompli jappoġġja organizzazzjonijiet volontarji biex iwettqu proġetti li joħolqu impatt fil-komunità, isaħħu l-edukazzjoni, u jippromwovu inizjattivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni u l-kreattività. Dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif l-edukazzjoni ambjentali tista’ titwassal lit-tfal b’mod innovattiv u aċċessibbli, filwaqt li tingħata importanza wkoll lill-lingwa Maltija u lill-kultura tal-qari.”


Dylan Farrugia, President tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, spjega li din l-inizjattiva hija parti mill-ħidma kontinwa tal-Fondazzjoni biex tqarreb il-wirt naturali ta’ Malta lejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. “Permezz tal-avventuri ta’ Katerina, qed insibu modi ġodda u kreattivi kif nintroduċu lit-tfal għall-għana tal-abitati naturali Maltin u l-importanza li nipproteġuhom. Ir-rakkonti u l-istejjer jagħtuna l-opportunità li nwasslu tagħrif ambjentali b’mod divertenti u aċċessibbli, filwaqt li nħeġġu wkoll lit-tfal jaqraw u japprezzaw kotba bil-Malti. Permezz ta’ din l-ewwel pubblikazzjoni, irridu nqajmu aktar kurżità dwar il-bijodiversità ta’ madwarna u nrawmu sens ta’ responsabbiltà lejn l-ambjent naturali tagħna sa minn età żgħira.”

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imniedi ktieb li se jwassal l-imħabba għall-qari u n-natura lil 2,000 tifel u tifla
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imniedi ktieb li se jwassal l-imħabba għall-qari u n-natura lil 2,000 tifel u tifla
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imniedi ktieb li se jwassal l-imħabba għall-qari u n-natura lil 2,000 tifel u tifla
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Refalo jisħaq fuq il-ħarsien tal-provvista tal-ikel u l-interessi tas-sajjieda Maltin fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE

PR262008

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

Aktar Stqarrijiet Right arrow