STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Ministru Refalo jisħaq fuq il-ħarsien tal-provvista tal-ikel u l-interessi tas-sajjieda Maltin fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea, li saret fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 2026. Matul il-laqgħa ġew diskussi s-sitwazzjoni fis-swieq agrikoli Ewropej u l-isfidi marbuta mas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-opportunitajiet tas-sajd f’diversi ibħra għall-2027, kif ukoll il-viżjoni Ewropea għas-setturi tas-sajd u l-akwakultura sal-2040.
Fid-diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fis-swieq agrikoli, b’mod partikolari fid-dawl tal-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, Malta enfasizzat l-importanza li l-Unjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur agrikolu u l-kapaċità tagħha li tiggarantixxi provvista tal-ikel sigura, stabbli u sostenibbli.
Il-Ministru Refalo ġibed l-attenzjoni lejn l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa u r-raħħala Maltin minħabba t-tibdil fil-klima u l-kundizzjonijiet estremi tat-temp. Huwa sostna li dawn l-isfidi m’għadhomx jistgħu jitqiesu bħala ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda bħala realtà li teħtieġ ippjanar fit-tul, investiment u miżuri konkreti ta’ adattament.
Malta sostniet il-ħtieġa li l-Istati Membri jkomplu jaħdmu fuq miżuri ta’ prevenzjoni, adattament u pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex is-setturi agrikoli jkunu aktar preparati għal sitwazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel.
Matul id-diskussjoni tqajmet ukoll l-importanza tas-sigurtà diġitali fis-settur agrikolu. Hekk kif aktar proċessi tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ikel qed jiddependu fuq teknoloġiji diġitali, il-Ministru Refalo enfasizza l-ħtieġa ta’ investiment fiċ-ċibersigurtà u fit-taħriġ, sabiex il-progress teknoloġiku jkun akkumpanjat minn sistemi siguri u affidabbli.
Barra minn dan, il-Ministru reġa’ ġibed l-attenzjoni lejn il-pressjonijiet ekonomiċi li qed jaffaċċjaw il-produtturi lokali, fosthom l-ispejjeż tal-fertilizzanti li dejjem qed jogħlew u l-isfidi persistenti fis-settur tal-majjal. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-politiki Ewropej ikomplu jqisu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri, partikolarment dawk ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta.
Għas-settur tas-sajd, il-Kunsill iddiskuta l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2027 fl-Atlantiku u fil-Baħar tat-Tramuntana, kif ukoll fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Dawn id-diskussjonijiet huma importanti sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u s-sostenibbiltà ekonomika tal-komunitajiet tas-sajd.
Malta enfasizzat il-ħtieġa li l-allokazzjonijiet diġà miftiehma jiġu rispettati bis-sħiħ, filwaqt li tiġi garantita l-istabbiltà u l-prevedibbiltà meħtieġa sabiex jiġu mħarsa l-interessi tas-sajjieda tagħna, il-vijabbiltà ekonomika tal-attivitajiet tagħhom, u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd u tal-komunitajiet li jiddependu minnu. Barra minn hekk il-Ministru sostna l-importanza li kwalunkwe miżura relatata mal-ġestjoni tas-sajd tkun proporzjonata, ibbażata fuq evidenza xjentifika u tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tas-sajd fil-Mediterran. F’dan ir-rigward, ingħatat attenzjoni partikolari lir-realtajiet soċjali u ekonomiċi tal-flotot tas-sajd fuq skala żgħira, li jikkaratterizzaw parti importanti mis-settur Malti.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Viżjoni 2040 għas-sajd u l-akwakultura, li tħares lejn il-futur ta’ dawn is-setturi fid-dawl tal-ħtieġa ta’ sostenibbiltà ambjentali, kompetittività ekonomika u reżiljenza fit-tul. Malta kompliet tenfasizza l-importanza li l-politiki Ewropej joffru qafas li jirrikonoxxi l-ħtiġijiet tal-komunitajiet kostali u l-kontribut tas-sajjieda u tal-operaturi tal-akwakultura għall-provvista tal-ikel.
“Il-provvista tal-ikel, is-sostenibbiltà tal-produzzjoni agrikola u l-futur tas-sajd huma prijoritajiet li jeħtieġu ħidma kontinwa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. Il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin qed jaffaċċjaw sfidi partikolari, fosthom l-effetti tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-ispejjeż u l-ħtieġa li jadattaw għal realtajiet ġodda. Għalhekk se nkomplu naħdmu sabiex il-politiki Ewropej jirrikonoxxu l-karatteristiċi ta’ pajjiżna u jipprovdu l-flessibbiltà u l-appoġġ meħtieġa. L-għan tagħna jibqa’ li nħarsu l-interessi tal-produtturi Maltin u Għawdxin, insaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u nassiguraw futur sostenibbli għas-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-akwakultura,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Stqarrijiet Oħra:
PR262009
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi ktieb li...
PR262007