STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar
Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar irrappreżentat lil Malta fil-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mill-Ugwaljanza, li saret bejn it-22 u t-23 ta’ Novembru 2026 taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Matul il-laqgħa, il-Ministri Ewropej iddiskutew ir-rabta bejn l-ugwaljanza u l-kompetittività Ewropea, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ekonomija tal-kura, kif ukoll it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja demokratika u pubblika.
Il-Ministru Rosianne Cutajar spjegat li hemm rabta bejn l-ugwaljanza u l-kompetittività ekonomika ta’ kull pajjiż. Kompliet li l-ugwaljanza hija kwistjoni kemm ta’ drittijiet kif ukoll ta’ opportunitajiet indaqs.
“Meta nagħtu lil kulħadd opportunità ġusta li jidħol fid-dinja tax-xogħol, li jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u li javvanza fil-karriera, inkunu qed insaħħu wkoll l-ekonomija tagħna. F’Malta rajna dan fil-prattika. L-introduzzjoni taċ-childcare b’xejn għenet bil-kbir biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jkomplu bil-karriera tagħhom,” sostniet il-Ministru Cutajar.
Il-Ministru Cutajar kompliet tgħid li l-istess prinċipju japplika għall-persuni b’diżabilità. Qalet li meta jneħħu l-ostakli u joħolqu opportunitajiet reali ta’ impjieg, ikunu qed jagħtu lil aktar persuni l-possibbiltà li jikkontribwixxu bit-talenti u l-ħiliet tagħhom.
“Għalhekk, l-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id. Ekonomija li tagħti opportunità lil kulħadd hija ekonomija li tippromwovi u tappoġġja l-potenzjal tal-ħaddiema tagħna,” temmet tgħid il-Ministru Cutajar.
Il-laqgħa saret fl-isfond tal-20 anniversarju mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en