STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin
Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard indirizza t-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni għat-tfassil tal-istrateġija l-ġdida ta’ Jobsplus għall-perjodu 2027–2032, waqt laqgħa ta’ djalogu ma’ stakeholders varji.
L-istrateġija se tistabbilixxi l-prijoritajiet u d-direzzjoni strateġika tal-organizzazzjoni għas-sitt snin li ġejjin, b’enfasi fuq oqsma ewlenin fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi u s-servizzi li toffri, ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ ħaddiema barranin, l-importanza tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma’ min iħaddem.
Il-Ministru Jonathan Attard, sostna li “Jobsplus għandha l-potenzjal li tkompli ssaħħaħ ir-rwol strateġiku tagħha fis-suq tax-xogħol Malti. Irridu Aġenzija li mhux biss twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum, iżda li tkun kapaċi tantiċipa l-isfidi ta’ għada, b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tqabbil bejn il-ħaddiema u l-ħtiġijiet ta’ min iħaddem.”
Il-Ministru Attard qal ukoll li l-futur tas-suq tax-xogħol ma jistax jinbena minn istituzzjoni waħda biss. Jeħtieġ viżjoni komuni, kollaborazzjoni u impenn kontinwu minn dawk kollha involuti.
Il-Ministru qal li l-istakeholders f’pajjiżna għandhom rwol importanti ħafna fit-tfassil tal-istrateġija ta’ Jobsplus għas-snin li ġejjin. Matul is-snin Jobsplus assumiet funzjoni importanti ħafna fis-settur tax-xogħol imma wkoll dimensjoni ekonomika u soċjali kruċjali għal pajjiżna.
“Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nsaħħu r-rwol ta’ Jobsplus fiż-żmien li ġej u nsaħħu wkoll il-pożizzjoni tagħha bħala l-aġenzija nazzjonali tax-xogħol. Irridu niżguraw li jkollna suq tax-xogħol dinamiku, inklużiv u reżiljenti, li joħloq opportunitajiet għall-ħaddiema u jwieġeb għall-ħtiġijiet tan-negozji u tal-ekonomija tagħna,” sostna l-Ministru Attard.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus, Celia Falzon, enfasizzat l-importanza ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni fit-tfassil tal-prijoritajiet strateġiċi tal-organizzazzjoni għas-snin li ġejjin. Hija sostniet li “huwa importanti li fit-tfassil tal-istrateġija l-ġdida ta’ Jobsplus jitqiesu kemm l-għanijiet soċjali kif ukoll il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi u l-ħtiġijiet tal-istakeholders kollha.”
Falzon spjegat ukoll it-temi ewlenin li se jiġu indirizzati fl-istrateġija, fosthom ir-rwol tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet fit-tisħiħ tas-suq tax-xogħol, kif ukoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità u persuni akbar fl-età.
Hija saħqet fuq il-ħtieġa ta’ pjan ċar u li jħares ’il quddiem, li jwieġeb għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jqis ukoll l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet ta’ dawk li qed ifittxu impjieg u ta’ min iħaddem.
L-attività inkludiet ukoll diskussjonijiet ma’ rappreżentanti minn diversi setturi, li matulhom l-imsieħba setgħu jaqsmu l-perspettivi u l-proposti tagħhom sabiex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-istrateġija l-ġdida ta’ Jobsplus.
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Ronald Mizzi.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262002