Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Fuq proposta ta’ Malta, il-Pjan Ewropew għall-Kultura 2027–2030 jinkludi l-ħarsien tal-wirt kulturali taħt il-baħar

PR262001
Date Icon 23/11/2026

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, ipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport (EYCS), li saret fi Brussell fejn ġew diskussi prijoritajiet Ewropej marbuta mal-iżvilupp tas-settur kulturali, il-ħarsien tal-wirt u l-isfidi tal-era diġitali.

 

Matul il-laqgħa, il-Kunsill approva r-riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura għall-perjodu 2027–2030, li jistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi għall-kooperazzjoni kulturali bejn l-Istati Membri fis-snin li ġejjin.

 

Malta esprimiet l-appoġġ tagħha għal dan il-pjan, li jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-drittijiet kulturali, il-libertà artistika, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-artisti u l-professjonisti kulturali, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-kooperazzjoni kulturali internazzjonali.

 

Fuq proposta ta’ Malta, il-Pjan jinkludi referenza speċifika għall-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-wirt kulturali taħt il-baħar, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ta’ dan il-wirt bħala parti mill-identità u l-patrimonju kulturali Ewropew.

 

Il-Ministru Agius Galea sostna li din l-inklużjoni għandha sinifikat partikolari għal Malta, fid-dawl tal-wirt storiku u arkeoloġiku marittimu tagħha. Kompla li, barra minn hekk, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fit-tieni nofs tal-2030, se tikkoinċidi mal-aħħar sitt xhur tal-Pjan, u b’hekk toffri opportunità biex pajjiżna jkompli jippromwovi l-ħarsien u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali taħt il-baħar fil-livell Ewropew.

 

Il-Pjan ta’ Ħidma jindirizza wkoll l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-intelliġenza artifiċjali għas-setturi kulturali u kreattivi, b’enfasi fuq il-ħarsien tal-kreattività umana, id-drittijiet tal-awtur, ir-remunerazzjoni ġusta tal-artisti u d-diversità kulturali u lingwistika.

 

Matul il-laqgħa ġiet diskussa wkoll il-proposta tal-EU Kids Act, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-ambjent diġitali. Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea enfasizza l-importanza ta’ servizzi diġitali mfassla b’mod sigur sa mill-bidu, flimkien mat-tisħiħ tal-litteriżmu diġitali u medjatiku, filwaqt li jiġu mħarsa l-privatezza u d-drittijiet tal-minorenni.

 

“Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan il-Kunsill tkompli tirrifletti l-impenn tagħna li nikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika kulturali Ewropea, filwaqt li nippromwovu l-ħarsien tal-wirt kulturali, it-tisħiħ tas-setturi kreattivi u opportunitajiet ġodda għall-artisti u l-professjonisti kulturali,” temm jgħid il-Ministru Agius Galea.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Fuq proposta ta’ Malta, il-Pjan Ewropew għall-Kultura 2027–2030 jinkludi l-ħarsien tal-wirt kulturali taħt il-baħar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Fuq proposta ta’ Malta, il-Pjan Ewropew għall-Kultura 2027–2030 jinkludi l-ħarsien tal-wirt kulturali taħt il-baħar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Fuq proposta ta’ Malta, il-Pjan Ewropew għall-Kultura 2027–2030 jinkludi l-ħarsien tal-wirt kulturali taħt il-baħar
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow