Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI €700,000 f’investiment għal 61 attività tal-Milied f’Malta u Għawdex

PR261999
Date Icon 23/11/2026

B’investiment ta’ kważi €700,000 mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jittellgħu 61 attività tal-Milied f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, bħala parti mill-Iskema tal-Milied 2026.

 

Minn dawn, 47 attività se jsiru f’Malta u 14 oħra f’Għawdex, bl-għan li jinħoloq ambjent aktar ħaj u festiv fil-lokalitajiet, filwaqt li jiġu promossi t-tradizzjonijiet Maltin, il-kultura u t-talent lokali.

 

Dan tħabbar waqt attività li għaliha attendiet il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn din l-iskema.

 

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li din l-iskema tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-komunitajiet u jagħti lill-Kunsilli Lokali r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu inizjattivi li jtejbu l-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet tagħhom. “Permezz ta’ dan l-investiment, qed nagħtu l-opportunità lill-Kunsilli Lokali biex joħolqu esperjenzi li jressqu lin-nies aktar qrib xulxin, isaħħu l-identità lokali u jżommu ħajjin it-tradizzjonijiet li jagħmlu l-Milied tagħna tant speċjali. Irridu li kull lokalità jkollha l-opportunità tiċċelebra dan iż-żmien b’mod li jirrifletti l-karattru u l-komunità tagħha,” sostniet il-Ministru.

 

Hija temmet tgħid li l-ħidma tal-Kunsilli Lokali hija essenzjali biex dawn l-inizjattivi jkunu ta’ suċċess, u li l-Gvern se jkompli jkun ta’ sostenn għalihom sabiex ikunu jistgħu jkomplu joħolqu opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni, inklużjoni u għaqda fil-komunitajiet tagħhom.

 

Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, qal li din l-iskema hija parti minn għadd ta’ skemi li permezz tagħhom il-kunsilli lokali jgħinu biex jagħtu ħajja ġdida lill-lokalitajiet u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Sostna li l-ispirtu tal-Milied joffri opportunità sabiħa biex tissaħħaħ il-komunità, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet differenti ta’ kull lokalità.

 

Il-programm ta’ din is-sena jinkludi varjetà ta’ attivitajiet li jindirizzaw gosti u etajiet differenti, fosthom villaġġi u swieq tal-Milied, mixegħla tad-dwal u dekorazzjonijiet, kunċerti, korijiet, kant u żfin, wirjiet u presepji ħajjin, produzzjonijiet teatrali u workshops kreattivi. Se jiġu organizzati wkoll attivitajiet għat-tfal u għall-anzjani, kif ukoll esebizzjonijiet ta’ artiġjanat, snajja’ u prodotti tradizzjonali Maltin.

 

Parti importanti mill-attivitajiet se tkun qed tiffoka fuq il-ħarsien u l-promozzjoni tat-tradizzjonijiet Maltin tal-Milied. Fost dawn hemm wirjiet u korsijiet dwar il-bini tal-presepji, xogħol tal-idejn, għana u mużika folkloristika, ikel tradizzjonali u purċissjonijiet tal-Bambin. Dawn l-inizjattivi se jkunu qed jagħtu wkoll opportunità lil ġenerazzjonijiet differenti biex jiltaqgħu, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jkomplu jgħaddu t-tradizzjonijiet tagħna lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.

 

Il-programm jinkludi wkoll inizjattivi edukattivi u kreattivi li jħeġġu s-sostenibbiltà u l-użu mill-ġdid tal-materjal, fosthom kompetizzjonijiet tal-kartolini u tal-presepji, workshops għall-ħolqien ta’ dekorazzjonijiet u sessjonijiet ta’ qari tal-istejjer.

 

Fost l-inizjattivi partikolari li se jkunu qed jittellgħu hemm il-proġett ‘Klaus Percopus Village’ f’Ħal Kirkop, li se jsir fil-5 u s-6 ta’ Diċembru, b’investiment ta’ €15,000. Din l-attività tieħu ispirazzjoni mill-kunċett tal-Villaġġi Ewropej tal-Milied u se toffri esperjenza festiva partikolari lill-komunità u lill-viżitaturi.

 

Permezz ta’ din l-iskema, il-Kunsilli Lokali jingħataw il-possibbiltà li jfasslu attivitajiet skont il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi partikolari tal-lokalitajiet tagħhom, filwaqt li jkomplu jsaħħu s-sens ta’ appartenenza, il-koeżjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tar-residenti fil-ħajja komunitarja.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  €700,000 f’investiment għal 61 attività tal-Milied f’Malta u Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  €700,000 f’investiment għal 61 attività tal-Milied f’Malta u Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  €700,000 f’investiment għal 61 attività tal-Milied f’Malta u Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  €700,000 f’investiment għal 61 attività tal-Milied f’Malta u Għawdex
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow