STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-ambaxxatriċi tal-Istati Uniti Somers Farkas
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, kellu laqgħa bilaterali mal-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għall-Malta, Somers Farkas, fil-Parlament, il-Ħamis waranofsinhar.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-relazzjoni pożittiva u multidimensjonali bejn Malta u l-Istati Uniti, b’enfasi partikolari fuq l-importanza li jinżamm id-djalogu bejn iż-żewġ pajjiżi u li jkomplu jissaħħu r-rabtiet bilaterali u l-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni.
Il-messaġġ ewlieni li ħareġ mil-laqgħa kien li r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn il-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Istati Uniti għandhom iwasslu wkoll għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-leġiżlaturi rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Ispeaker laqa’ t-twaqqif tal-Congressional Friends of Malta Caucus fil-Kungress Amerikan u tenna l-interess tiegħu fit-twaqqif ta’ Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija bejn Malta u l-Istati Uniti.
Grupp bħal dan jista’ jipprovdi pjattaforma għal skambji regolari bejn il-membri parlamentari, għall-qsim ta’ esperjenzi leġiżlattivi u għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni. L-Ispeaker laqa’ wkoll il-possibbiltà ta’ żjara f’Malta minn membri tal-Congressional Friends of Malta Caucus, li bħalissa tinsab fl-istadju tal-ippjanar u li tista’ ssir fl-ewwel kwart tal-2027. L-Ambaxxatriċi Farkas indikat li kienet se tqajjem il-proposta għal din iż-żjara waqt iż-żjara mistennija tagħha f’Washington f’Diċembru.
L-Ispeaker saħaq fuq l-importanza tad-diplomazija parlamentari bħala mezz konkret biex jissaħħu r-relazzjonijiet istituzzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa esprima wkoll it-tama li l-inizjattivi parlamentari proposti jkomplu japprofondixxu l-fehim reċiproku u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni. L-Ambaxxatriċi Farkas semmiet ukoll l-opportunitajiet għall-parlamentari Maltin biex jipparteċipaw fi programmi ta’ tmexxija u skambju fl-Istati Uniti.
Il-laqgħa tat ukoll l-opportunità li jiġu skambjati fehmiet dwar is-sigurtà internazzjonali u l-iżviluppi ġeopolitiċi attwali. L-Ispeaker spjega l-esperjenza ta’ Malta bħala osservatur fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO, filwaqt li qasam l-esperjenza tiegħu bħala kap tad-delegazzjoni Maltija. Huwa nnota li l-istatus ta’ osservatur jipprovdi lil Malta forum ta’ valur fejn tista’ tesprimi l-fehmiet u l-perspettivi tagħha bħala pajjiż newtrali.
Id-diskussjonijiet indirizzaw ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fil-kuntest tal-gwerra li r-Russja għadha għaddejja biha kontra l-Ukrajna. L-Ispeaker enfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea jkollha post fuq il-mejda tan-negozjati, partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-kunflitt qed iseħħ fuq art Ewropea.
Huwa spjega wkoll il-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-Ukrajna u enfasizza l-kontribut tal-pajjiż fl-isforzi umanitarji b’appoġġ għall-poplu Ukren. Meta ġiet diskussa l-għajnuna lill-Ukrajna, l-Ambaxxatriċi Farkas irreferiet għal- Prioritised Ukraine Requirements List u ssuġġeriet li dan il-mekkaniżmu jista’ jintuża wkoll biex jappoġġja l-għajnuna umanitarja.
L-Ispeaker esprima wkoll l-interess tiegħu li jkomplu jevolvu l-opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bejn in-negozji Maltin u dawk Amerikani.
Il-laqgħa messet ukoll ir-rabtiet edukattivi u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi. L-Ispeaker saħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu promossi l-iskambji akkademiċi, ir-riċerka, l-inizjattivi għaż-żgħażagħ u r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi.
Fi tmiem il-laqgħa, l-Ispeaker tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Uniti permezz tad-djalogu parlamentari, il-kooperazzjoni u l-kuntatti diretti bejn il-popli taż-żewġ pajjiżi. Huwa esprima t-tama li d-diskussjonijiet iwasslu għal rabtiet istituzzjonali aktar mill-qrib u għal opportunitajiet konkreti ta’ kollaborazzjoni, għall-benefiċċju taż-żewġ pajjiżi.
Ritratti (SPK)
Stqarrijiet Oħra:
PR261996en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Repr...
PR261995