STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia
Family Connect Day tlaqqa’ lill-familji u tagħti spazju lill-esperjenzi tal-aħwa permezz tat-tnedija tal-ktieb Rosita
“Il-ġenituri, l-aħwa u dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità għandhom bżonn ukoll min jismagħhom, jifhimhom u jkun hemm għalihom. L-appoġġ tagħna jrid jasal għand il-familja kollha.” Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt il-ftuħ ta’ Family Connect Day, organizzata minn Inspire.
L-attività laqqgħet flimkien ġenituri, qraba, kustodji, aħwa u ħaddiema ta’ Inspire f’ambjent li ħeġġeġ l-iskambju tal-esperjenzi, il-ħolqien ta’ kuntatti u l-għarfien dwar l-appoġġ disponibbli għall-familji. Permezz ta’ workshops u diskussjonijiet, il-ġurnata tat spazju lill-esperjenzi u l-ħtiġijiet differenti tal-membri tal-familja, b’attenzjoni partikolari għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Farrugia saħqet li s-servizzi għandhom jirriflettu r-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum tal-familji u jagħtuhom aktar serħan il-moħħ. “Kemm-il darba nistaqsu lil ġenitur kif sejjer ibnu, u ninsew nistaqsuh kif qed iħossu hu? Kemm-il darba nitkellmu dwar il-progress ta’ tifla, mingħajr ma nisimgħu l-esperjenza ta’ ħuha jew oħtha? Irridu nagħmlu spazju għal dawn il-vuċijiet kollha. Għax min jieħu ħsieb għandu bżonn min jieħu ħsiebu wkoll,” qalet il-Ministru.
Żiedet li l-Gvern se jkompli jaħdem mal-organizzazzjonijiet fis-settur biex jissaħħaħ l-appoġġ għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. “Għandna r-responsabbiltà li nbiddlu dak li nisimgħu mingħand il-familji f’ħidma li tagħmel differenza f’ħajjithom. Irridu familji li jsibu gwida meta jkollhom mistoqsija, għajnuna meta jkollhom bżonnha u opportunitajiet biex kull membru tagħhom javvanza.”
Wieħed mill-mumenti ewlenin tal-ġurnata kien it-tnedija ta’ Rosita, ktieb miktub minn Charlene Attard Falzon, li tmexxi s-servizz Pathfinder ta’ Inspire u hija ħaddiema soċjali. Il-ktieb huwa ispirat mill-esperjenza personali tagħha li kibret ma’ ħuha Wayne, li għandu l-awtiżmu u ma jikkomunikax bil-kliem.
Permezz tal-perspettiva ta’ tifla, Rosita jesplora emozzjonijiet bħall-imħabba, il-konfużjoni u s-sens ta’ ħtija li jistgħu jesperjenzaw l-aħwa ta’ persuni b’diżabilità. L-għan huwa li t-tfal jifhmu aħjar dawn l-emozzjonijiet, filwaqt li l-familji, l-iskejjel u l-professjonisti jagħrfu l-importanza li jisimgħu u jappoġġjaw lill-aħwa wkoll.
Il-ġurnata enfasizzat ukoll il-ħidma ta’ Pathfinder, servizz bla ħlas ta’ Inspire li joffri informazzjoni, gwida u appoġġ wara dijanjosi jew fi stadji differenti tal-ħajja. Dan jinkludi konsultazzjonijiet individwali, workshops u taħriġ għall-ġenituri, l-aħwa, in-nanniet, qraba oħra u professjonisti.
Il-Ministru Farrugia rringrazzjat lit-tmexxija u lill-ħaddiema ta’ Inspire għall-impenn tagħhom, u lill-familji li qasmu l-esperjenzi tagħhom. “Kull membru tal-familja għandu dritt iħossu mismugħ, apprezzat u sostnut. Dan huwa l-impenn li rridu nkomplu nwettqu flimkien,” temmet tgħid il-Ministru.
Antonello Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Inspire, stqarr li din kienet ġurnata speċjali għall-organizzazzjoni, hekk kif l-Inspire laqqgħet flimkien lill-ġenituri u lill-membri tal-familji ta’ tfal b’diżabilità, sabiex ikollhom l-opportunità jiltaqgħu, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jiddiskutu l-isfidi li jiffaċċjaw u jikkontribwixxu għat-titjib tas-servizzi offruti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261992
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA
PR261991