STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund
Il-Kastell Verdala ospita r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious, inizjattiva organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, b’kollaborazzjoni mal-Malta Marriott Hotel u Delicata Wineries, u li ċċelebrat il-kwalità tal-majjal Malti, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà.
L-attività nfetħet fil-preżenza tal-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u tal-Ministru Anton Refalo, u tat prominenza lill-prodott lokali u lill-ħidma tar-raħħala u l-produtturi Maltin u Għawdxin.
Matul il-lejla ġew ippreżentati platti tradizzjonali u innovattivi, fosthom kreazzjonijiet li użaw partijiet tal-majjal bħall-kirxa, sabiex jintwera kif il-kreattività kulinari tista’ tnaqqas il-ħela tal-ikel u tagħti valur akbar lill-prodott lokali.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta qalet li, “Porkilicious hija inizjattiva li tmur lil hinn mill-gastronomija, għaliex tgħaqqad l-apprezzament lejn il-prodott Malti u l-ħidma tal-produtturi lokali mal-impenn favur is-sostenibbiltà u s-solidarjetà.”
Aċċennat ukoll il-fatt li din l-attività qed issir b’risq il-Malta Community Chest Fund, f’xhieda ta’ kif “il-promozzjoni tal-prodott lokali u l-impenn soċjali jistgħu jimxu id f’id. Huwa permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, u tal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, li nistgħu nkomplu noffru sostenn lil dawk il-persuni u l-familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli f’ħajjithom.”
Il-Ministru Anton Refalo enfasizza l-importanza li jkomplu jinħolqu opportunitajiet għall-promozzjoni tal-produzzjoni lokali. “Porkilicious hija ċelebrazzjoni tal-ħidma u d-dedikazzjoni tar-raħħala u l-produtturi tagħna. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nagħtu aktar valur lill-majjal Malti, filwaqt li nippromwovu l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-konsum responsabbli,” qal il-Ministru Refalo.
Il-Ministru Refalo sostna li Porkilicious tmur lil hinn mill-gastronomija għaliex tgħaqqad il-prodott lokali mal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. “Illejla qed niċċelebraw dak li hu Malti, iżda fuq kollox dak li jagħmilna Maltin: il-ħidma, il-ġenerożità u s-solidarjetà,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Il-qligħ kollu mill-attività se jmur għall-Malta Community Chest Fund, b’appoġġ għall-ħidma tagħha favur persuni u familji li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli.
Other Press Releases:
PR261990
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...
PR261989en