STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, ipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni u l-Isport tal-Unjoni Ewropea, li saru fi Brussell fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2026, taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Camilleri attenda wkoll għas-Summit Ewropew dwar l-Edukazzjoni u l-Ħiliet tal-2026 li ffoka fuq it-tema “Skejjel għal għada”, fejn ġie esplorat kif l-Ewropa tista’ tibni ambjenti ta’ tagħlim li jkunu adegwati għall-era tal-intelliġenza artifiċjali.
Matul il-laqgħat, il-Ministri Ewropej iddiskutew diversi temi marbuta mal-iżvilupp tas-setturi tal-edukazzjoni u l-isport, fosthom l-opportunitajiet u l-isfidi li ġġib magħha l-intelliġenza artifiċjali, it-tisħiħ tal-ħiliet u l-opportunitajiet edukattivi, kif ukoll il-kontribut tal-isport għas-saħħa mentali u l-benesseri tas-soċjetà.
Fis-sessjoni ddedikata għall-edukazzjoni, il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza li l-intelliġenza artifiċjali tintuża b’mod responsabbli fis-sistemi edukattivi, filwaqt li l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku u l-kapaċità tal-istudenti li jieħdu deċiżjonijiet indipendenti jibqgħu prijoritajiet ewlenin.
“L-intelliġenza artifiċjali qed tiftaħ opportunitajiet ġodda, inkluż fil-qasam edukattiv, iżda rridu niżguraw li l-użu tagħha jkompli jsaħħaħ it-tagħlim u ma jistax jieħu post r-rwol fundamentali tal-edukaturi. It-teknoloġija għandha tkun għodda li tgħin lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, filwaqt li nkomplu nrawmu l-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-kapaċità li wieħed jagħraf u janalizza l-informazzjoni b’mod indipendenti,” sostna l-Ministru Camilleri.
F’dan il-kuntest, il-Ministru rrefera għall-ħidma li qed issir f’Malta biex jissaħħu l-kompetenzi diġitali tal-istudenti u tal-edukaturi, fosthom permezz tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza diġitali, l-użu responsabbli tat-teknoloġija u t-taħriġ tal-edukaturi fl-intelliġenza artifiċjali.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-ħtieġa li s-sistemi edukattivi Ewropej ikomplu joffru opportunitajiet ta’ tagħlim aktar flessibbli u inklużivi, li jwieġbu kemm għall-aspirazzjonijiet tal-istudenti kif ukoll għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
Il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza li l-istudenti jkollhom l-opportunità li jagħżlu bejn rotot edukattivi differenti, fosthom dawk akkademiċi, vokazzjonali u applikati, filwaqt li jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu javvanzaw fl-istudji u fil-karriera tagħhom.
Huwa sostna wkoll li l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tax-xogħol għandha tkompli tissaħħaħ, permezz ta’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ prattiku, apprendistati u tagħlim tul il-ħajja.
Fis-sessjoni ddedikata għall-isport, il-Ministri Ewropej iddiskutew il-benefiċċji tal-isport u tal-attività fiżika għall-promozzjoni tas-saħħa mentali, il-benesseri u stili ta’ ħajja aktar attivi.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri enfasizza l-importanza li l-isport ikun aktar aċċessibbli u inklużiv, filwaqt li jiġu indirizzati l-ostakli li jistgħu jillimitaw il-parteċipazzjoni, fosthom l-ispejjeż, in-nuqqas ta’ ħin u ċ-ċirkostanzi personali.
“L-isport għandu rwol importanti mhux biss fis-saħħa fiżika, iżda wkoll fil-benesseri mentali u soċjali tal-individwu. Għalhekk irridu nkomplu nsaħħu l-opportunitajiet biex aktar persuni jipparteċipaw fl-attività fiżika, irrispettivament mill-età jew mill-kapaċitajiet tagħhom. L-għan tagħna huwa li l-isport ikun parti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ aktar persuni, b’mod partikolari tat-tfal u taż-żgħażagħ, filwaqt li nkomplu nippromwovu ambjent sportiv sigur, inklużiv u aċċessibbli għal kulħadd,” qal il-Ministru Camilleri.
Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza ta’ kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn is-setturi tal-isport, is-saħħa u l-edukazzjoni, sabiex il-benefiċċji tal-attività fiżika jkunu jistgħu jilħqu aktar persuni u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Matul il-laqgħat tal-Kunsill ġew indirizzati wkoll temi oħra, fosthom l-iżvilupp tal-ħiliet fl-intelliġenza artifiċjali, it-tisħiħ tal-edukazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġu promossi l-opportunitajiet edukattivi u l-parteċipazzjoni fl-isport.
Stqarrijiet Oħra:
PR261989en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR261989