Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Aktar minn 200 student jesprimu l-viżjoni tagħhom dwar is-settur tal-kostruzzjoni permezz tal-arti

PR261989
Date Icon 21/11/2026

Aktar minn 200 student u studenta minn skejjel primarji u kulleġġi madwar Malta u Għawdex ħadu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpinġijiet organizzata mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), li permezz tagħha esprimew il-mod kif jaraw u jimmaġinaw is-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna.

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, laqgħu lill-edukaturi, studenti u ġenituri għar-rikonoxximent tal-aqwa xogħlijiet magħżulin fil-bini tal-awtorità. 

“Din l-inizjattiva b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni taħbat ukoll mal-ħames anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-awtorità ċentrali f’pajjiżna fis-settur tal-kostruzzjoni. Numru daqstant sabiħ ta’ studenti jesprimu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom permezz tal-arti, filwaqt li tħalliet f’idejhom il-libertà li jinterpretaw is-settur tal-kostruzzjoni mill-perspettiva tagħhom”, qal il-Ministru Attard.

Ix-xogħlijiet tal-istudenti kollha se jkunu esebiti fil-bini tal-Awtorità bħala konferma li dawn mhux se jibqgħu biss parti minn kompetizzjoni, iżda se jkunu esposti għall-pubbliku sabiex kulħadd ikun jista’ japprezza t-talent, il-kreattività u l-perspettiva ta’ dawn l-istudenti.

Il-Ministru qal ukoll li l-aħjar tpinġijiet se jkunu qed jidhru fuq sett ta’ bolol li l-MaltaPost se tippubblika matul Diċembru, u b’hekk il-kreattività tal-istudenti tingħata viżibbiltà fuq livell usa’.

Din il-kompetizzjoni hija parti minn kampanja edukattiva usa’ li l-BCA bdiet fost it-tfal, li l-ewwel pass tagħha kien it-tnedija ta’ Nestu n-Nemlu, il-mascot tal-Awtorità, ix-xahar li għadda. L-għan huwa li t-tfal jibdew jifhmu l-importanza ta’ kostruzzjoni sigura, responsabbli u sostenibbli sa minn età żgħira.

Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru rrefera għal diversi riformi u inizjattivi li l-Awtorità wettqet f’dawn l-ewwel ħames snin, fosthom it-tnedija tal-Helpline 138, is-Servizz tat-Terzi, l-assistenza finanzjarja lil persuni affettwati minn ħsarat relatati ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, kif ukoll l-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja u r-Reġistru Nazzjonali tagħhom.

“Din hija wkoll parti mill-ħidma li għaddejja fuq l-ewwel Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, kif ukoll l-introduzzjoni tal-Iskill Card, li għandha tkompli ssaħħaħ it-taħriġ, il-kompetenzi u l-professjonalità tal-ħaddiema fis-settur”, tenna l-Ministru Attard.

L-istudenti li ntgħażel ix-xogħol tagħhom huma Deon Mifsud, Juan Vella Debono, Valentina Vassallo u Kate Spiteri. Mark Seisun Incorvaja ngħata r-rikonoxximent ta’ Most Outstanding Drawing. 

Min-naħa tiegħu, Mark Seisun Incorvaja qal, “Jiena l-arti togħġobni ħafna in ġenerali u malli rajt it-tema xtaqt inħallat idea ta’ bini ta’ issa kif ukoll tal-passat, fejn ħallat postijiet ta’ Malta, bħal xi kappella u anke l-ġebla Maltija li tant hija importanti.”

Il-Kap Eżekuttiv, il-Perit Roderick Bonnici, qal li permezz ta’ din l-inizjattiva l-Awtorità qed tara li tkompli bil-kampanja edukattiva fost it-tfal. “Permezz ta’ din il-kampanja qed inkomplu nqajmu aktar għarfien dwar diversi aspetti ta’ dan is-settur, fosthom is-saħħa u s-sigurtà u anke l-arti u s-sengħa. Fil-fatt, fiż-żmien li ġej se nibdew induru diversi skejjel madwar Malta u Għawdex sabiex inkomplu b’din il-kampanja edukattiva dwar dan is-settur”, qal il-Perit Bonnici. 

Il-Ministru feraħ lill-ħames studenti għall-kisba tagħhom u rringrazzja lill-parteċipanti kollha talli qasmu l-ideat u l-kreattività tagħhom.

Għal din l-okkażjoni kienu preżenti wkoll iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Simon Saliba, u l-Perit Charles Buhagiar, Chairman tal-Building and Construction Consultative Council, rappreżentanti tal-Awtorità, edukaturi u ġenituri li bil-kollaborazzjoni tagħhom din l-inizjattiva setgħet issir realtà.


STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Aktar minn 200 student jesprimu l-viżjoni tagħhom dwar is-settur tal-kostruzzjoni permezz tal-arti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Aktar minn 200 student jesprimu l-viżjoni tagħhom dwar is-settur tal-kostruzzjoni permezz tal-arti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Over 200 students express their vision of the construction sector through art

PR261989en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow