STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Bedingfield jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-kollaborazzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà kontra n-nirien
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield saħaq fuq l-importanza li s-sigurtà kontra n-nirien ma tkunx limitata għar-rispons f’każ ta’ emerġenza, iżda li tingħata prijorità lill-prevenzjoni, l-ippjanar u l-immaniġġjar aħjar tar-riskji.
Il-Ministru qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata mill-Insurance Association Malta, li ġabret flimkien diversi setturi sabiex jiddiskutu l-importanza tal-immaniġġjar tar-riskji u t-tħejjija aħjar għall-inċidenti.
“Is-sigurtà kontra n-nirien hija responsabbiltà komuni. In-nar ma jagħmilx distinzjoni bejn min għandu assigurazzjoni u min m’għandux. Għalhekk irridu naħdmu flimkien biex nipprevjenu l-inċidenti qabel ma jseħħu u nnaqqsu r-riskji kemm jista’ jkun,” qal il-Ministru Bedingfield.
Huwa spjega li nirien serji jistgħu jmorru lil hinn mill-ħsara immedjata lil proprjetà, billi jaffettwaw il-ħajja tal-familji, l-operat tan-negozji, l-għajxien tan-nies u r-riżorsi tas-servizzi tal-emerġenza.
Il-Ministru enfasizza li l-prevenzjoni mhijiex biss rekwiżit tekniku, iżda investiment fil-kontinwità ekonomika u fir-reżiljenza tal-komunitajiet tagħna. Għaldaqstant, l-ispiża ta’ ppjanar tajjeb u sistemi adegwati ta’ sigurtà għandha dejjem titqies fid-dawl tal-konsegwenzi umani u finanzjarji ferm akbar li jista’ jkollu inċident.
Huwa rrikonoxxa wkoll il-ħidma importanti tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li tmur lil hinn mir-rispons għall-emerġenzi u tinkludi t-tħejjija, il-prevenzjoni, it-taħriġ, l-għarfien pubbliku u l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra.
“L-esperjenza diretta tal-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili hija essenzjali biex nifhmu kif jiżviluppaw in-nirien, kif jistgħu jinfirxu u kemm huma importanti l-aċċess u s-sistemi ta’ protezzjoni f’binja waqt emerġenza,” qal il-Ministru.
Huwa enfasizza li miżuri adegwati ta’ protezzjoni kontra n-nirien mhux biss jipproteġu lil dawk li jgħixu jew jaħdmu f’binja, iżda wkoll lill-pumpiera u lill-ħaddiema tal-emerġenza li jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor.
Il-Ministru saħaq li kull min għandu sehem fil-bini u l-manutenzjoni tal-proprjetà għandu jagħraf ir-responsabbiltà tiegħu biex is-sigurtà tkun prijorità f’kull stadju, mid-disinn inizjali sal-użu u l-manutenzjoni kontinwa.
Huwa appella għal aktar kollaborazzjoni bejn il-Gvern, is-servizzi tal-emerġenza, is-settur tal-kostruzzjoni u l-industrija tal-assigurazzjoni, filwaqt li rrikonoxxa r-rwol importanti li din tal-aħħar tista’ taqdi biex tħeġġeġ investiment f’miżuri preventivi u ġestjoni responsabbli tar-riskji.
“Ma rridux nibqgħu nqisu s-sigurtà kontra n-nirien bħala piż jew sempliċiment rekwiżit li jrid jiġi ssodisfatt. Irridu nagħrfuha għal dak li verament hija: investiment fundamentali fil-protezzjoni tal-ħajja umana, fis-sigurtà tal-proprjetà u fir-reżiljenza ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Bedingfield.
Stqarrijiet Oħra:
PR261981en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Minister Bedin...
PR261980