Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Iffirmat ftehim biex jissaħħu r-riċerka u l-politiki dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali

PR261980
Date Icon 20/11/2026

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, permezz tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim biex jissaħħu r-riċerka u l-politiki dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali.

 

Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, li ppresjediet l-iffirmar tal-ftehim,  qalet, “Il-mistoqsija li rridu nagħmlu mhijiex biss x’tista’ tagħmel l-intelliġenza artifiċjali, iżda wkoll għal min qed taħdem, lil min qed taqdi, u jekk hijiex qed tagħti opportunitajiet ġusti lil kulħadd.”

 

Il-Ministru Cutajar saħqet li hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed issir parti dejjem aktar importanti mill-ħajja ta’ kuljum, Malta għandha tkun proattiva biex tiżgura li l-progress teknoloġiku ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura u ma jirriproduċix diskriminazzjoni u preġudizzji li jeżistu fis-soċjetà.

 

“Bħala Ministeru għandna r-responsabbiltà li nħarsu ’l quddiem, nifhmu r-riskji emerġenti u niżviluppaw risposti adegwati, sabiex niżguraw li l-innovazzjoni sservi lill-bniedem u mhux issaħħaħ l-inugwaljanzi,” sostniet il-Ministru.

 

Hija spjegat li l-intelliġenza artifiċjali għandha l-potenzjal li ġġib magħha opportunitajiet sinifikanti f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-impjiegi u s-servizzi pubbliċi, iżda saħqet li dawn l-opportunitajiet għandhom ikunu akkumpanjati minn garanziji li jipproteġu l-ugwaljanza u d-drittijiet fundamentali.

 

“Teknoloġija aktar avvanzata ma tfissirx awtomatikament soċjetà aktar ġusta. Jekk id-dejta li fuqha nibnu dawn is-sistemi tirrifletti preġudizzji eżistenti, hemm ir-riskju li l-istess preġudizzji jiġu riprodotti fuq skala ħafna akbar. Għalhekk għandna bżonn l-għarfien, ir-riċerka u l-għodod biex dan ma jseħħx,” żiedet tgħid il-Ministru.

 

Il-ftehim jipprevedi t-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Ugwaljanza Razzjali, li se jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Gvern, akkademiċi u esperti fil-qasam tat-teknoloġija. Il-Grupp se jiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien u riċerka dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ preġudizzi fis-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ linji gwida, taħriġ u rakkomandazzjonijiet għall-politiki pubbliċi.

 

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu 2025–2030, li jagħraf il-ħtieġa li jiġu indirizzati kemm il-forom tradizzjonali tar-razziżmu kif ukoll forom ġodda ta’ diskriminazzjoni li jistgħu jirriżultaw mit-teknoloġiji emerġenti.

 

Il-Ministru Cutajar enfasizzat li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Università hija essenzjali biex Malta tkun f’pożizzjoni li tifhem aħjar dawn l-isfidi u tieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka u l-evidenza. “Ma nistgħux nagħmlu dan waħidna. Il-Gvern għandu r-responsabbiltà li jfassal il-politika u joħloq is-salvagwardji meħtieġa, filwaqt li l-Università u l-esperti għandhom għarfien u riċerka li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar dawn ir-riskji. Din il-kollaborazzjoni tgħaqqad dawn iż-żewġ realtajiet,” qalet il-Ministru.

 

Il-ftehim se jibni fuq riċerka li diġà qed titwettaq mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Università ta’ Malta, fosthom dwar l-identifikazzjoni ta’ preġudizzji, l-analiżi tar-rappreżentazzjoni ta’ minoritajiet fil-midja u l-iżvilupp ta’ sistemi aktar trasparenti u ġusti.

 

Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru Rosianne Cutajar, is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Frank Bezzina.

 

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex l-innovazzjoni teknoloġika tkun akkumpanjata minn salvagwardji kontra d-diskriminazzjoni, u biex l-opportunitajiet li toffri l-intelliġenza artifiċjali jkunu aċċessibbli u ta’ benefiċċju għal kulħadd.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Iffirmat ftehim biex jissaħħu r-riċerka u l-politiki dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Iffirmat ftehim biex jissaħħu r-riċerka u l-politiki dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Minister Bedingfield stresses the importance of prevention and cooperation in strengthening fire safety

PR261981en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Minister Bedin...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Il-Ministru Bedingfield jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-kollaborazzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà kontra n-nirien

PR261981

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Bedingfield ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow