STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Iffirmat ftehim biex jissaħħu r-riċerka u l-politiki dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, permezz tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim biex jissaħħu r-riċerka u l-politiki dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, li ppresjediet l-iffirmar tal-ftehim, qalet, “Il-mistoqsija li rridu nagħmlu mhijiex biss x’tista’ tagħmel l-intelliġenza artifiċjali, iżda wkoll għal min qed taħdem, lil min qed taqdi, u jekk hijiex qed tagħti opportunitajiet ġusti lil kulħadd.”
Il-Ministru Cutajar saħqet li hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed issir parti dejjem aktar importanti mill-ħajja ta’ kuljum, Malta għandha tkun proattiva biex tiżgura li l-progress teknoloġiku ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura u ma jirriproduċix diskriminazzjoni u preġudizzji li jeżistu fis-soċjetà.
“Bħala Ministeru għandna r-responsabbiltà li nħarsu ’l quddiem, nifhmu r-riskji emerġenti u niżviluppaw risposti adegwati, sabiex niżguraw li l-innovazzjoni sservi lill-bniedem u mhux issaħħaħ l-inugwaljanzi,” sostniet il-Ministru.
Hija spjegat li l-intelliġenza artifiċjali għandha l-potenzjal li ġġib magħha opportunitajiet sinifikanti f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-impjiegi u s-servizzi pubbliċi, iżda saħqet li dawn l-opportunitajiet għandhom ikunu akkumpanjati minn garanziji li jipproteġu l-ugwaljanza u d-drittijiet fundamentali.
“Teknoloġija aktar avvanzata ma tfissirx awtomatikament soċjetà aktar ġusta. Jekk id-dejta li fuqha nibnu dawn is-sistemi tirrifletti preġudizzji eżistenti, hemm ir-riskju li l-istess preġudizzji jiġu riprodotti fuq skala ħafna akbar. Għalhekk għandna bżonn l-għarfien, ir-riċerka u l-għodod biex dan ma jseħħx,” żiedet tgħid il-Ministru.
Il-ftehim jipprevedi t-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Ugwaljanza Razzjali, li se jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Gvern, akkademiċi u esperti fil-qasam tat-teknoloġija. Il-Grupp se jiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien u riċerka dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ preġudizzi fis-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ linji gwida, taħriġ u rakkomandazzjonijiet għall-politiki pubbliċi.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu 2025–2030, li jagħraf il-ħtieġa li jiġu indirizzati kemm il-forom tradizzjonali tar-razziżmu kif ukoll forom ġodda ta’ diskriminazzjoni li jistgħu jirriżultaw mit-teknoloġiji emerġenti.
Il-Ministru Cutajar enfasizzat li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Università hija essenzjali biex Malta tkun f’pożizzjoni li tifhem aħjar dawn l-isfidi u tieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka u l-evidenza. “Ma nistgħux nagħmlu dan waħidna. Il-Gvern għandu r-responsabbiltà li jfassal il-politika u joħloq is-salvagwardji meħtieġa, filwaqt li l-Università u l-esperti għandhom għarfien u riċerka li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar dawn ir-riskji. Din il-kollaborazzjoni tgħaqqad dawn iż-żewġ realtajiet,” qalet il-Ministru.
Il-ftehim se jibni fuq riċerka li diġà qed titwettaq mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Università ta’ Malta, fosthom dwar l-identifikazzjoni ta’ preġudizzji, l-analiżi tar-rappreżentazzjoni ta’ minoritajiet fil-midja u l-iżvilupp ta’ sistemi aktar trasparenti u ġusti.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru Rosianne Cutajar, is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Frank Bezzina.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex l-innovazzjoni teknoloġika tkun akkumpanjata minn salvagwardji kontra d-diskriminazzjoni, u biex l-opportunitajiet li toffri l-intelliġenza artifiċjali jkunu aċċessibbli u ta’ benefiċċju għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261981en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Minister Bedin...
PR261981