STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €12-il miljun f’lukanda oħra ta’ lussu
- Palazz fil-Belt Valletta rrestawrat u mibdul f’lukanda ta’ ħames stilel
- Il-Prim Ministru jgħid li dan l-investiment huwa eżempju konkret tal-qabża ekonomika lejn il-kwalità
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment ta’ €12-il miljun fil-qasam tal-ospitalità ta’ kwalità għolja, investiment li ddeskrivieh bħala frott il-ħidma tal-intraprenditur Malti fuq naħa u l-viżjoni tal-Gvern għall-kwalità, fuq in-naħa l-oħra.
Palazz fi Triq l-Ifran fil-Belt Valletta, mibni fis-16-il seklu, fetaħ il-bibien bħala lukanda lussuża ta’ ħames stilel. Dan l-investiment se jkun qed jimpjega 32 persuna u se jkun magħmul minn 22 kamra, erbgħa minnhom suites.
Il-Lukanda Romègas hija parti mill-L.V.X. Collection by Preferred Hotels & Resorts, kollezzjoni ta’ lukandi lussużi. Apparti minn hekk, se sservi wkoll ta’ vetrina għall-kollezzjoni tal-arti minn 20 artist Malti jew inkella li jaħdem f’Malta.
“Bħala Gvern, aħna determinati li nkomplu ngħollu l-livell ta’ kwalità tal-esperjenza li noffru lil dawk kollha li jagħżlu li jżuru lil pajjiżna, filwaqt li nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ta’ eċċellenza, li tispikka għall-awtentiċità, il-professjonalità u l-kwalità tas-servizzi tagħha,” qal Dr Abela waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment, kollu kemm hu Malti.
“It-turist mhux se jkun biss f’lukanda. Imma fiċ-ċentru tal-istorja tal-Belt Valletta u f’post minnu nnifsu mimli storja. Mill-palazz innifsu, il-gallariji Maltin li jagħtu fuq it-toroq tagħha u x-xogħol ta’ artisti Maltin jew li għamlu lil Malta l-pajjiż fejn qed jaħdmu l-arti tagħhom,” qal Dr Abela.
Huwa kompla jgħid li dan huwa eżempju ieħor tal-esperjenza li l-Gvern irid li kull viżitatur ikollu f’Malta u fuq kollox eżempju ieħor ta’ kwalità.
“Dan l-investiment minn intraprenditur Malti huwa xhieda konkreta tal-viżjoni ekonomika li konsistentement ħdimna favur tagħha matul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur, viżjoni msejsa fuq il-kwalità, l-eċċellenza u t-tkabbir sostenibbli. Huwa ta’ sodisfazzjon personali kbir għalija li nara dan il-proġett mill-isbaħ isir realtà, proġett li jirrifletti l-ambizzjoni, il-fiduċja u l-ispirtu intraprenditorjali li jkomplu jmexxu lil pajjiżna ’l quddiem,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Sid il-lukanda Jovin Genovese spjega li r-restawr tal-binja dam għaddej ħames snin u kellu bħala prijorità ż-żamma tal-karattru nobbli u l-awtentiċità. Kull waħda mill-kmamar tal-lukanda għandha l-karattru tagħha filwaqt li l-binja hija mmarkata bil-gallariji tradizzjonali Maltin. L-isem tal-lukanda ġej mill-fatt li l-palazz huwa assoċjat mill-qrib ma’ Mathurin Romègas, kmandant navali tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mc Kay u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.
Other Press Releases:
PR261974
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Ministru għal Għawdex Clint Camil...
PR261973en