STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Ebda paċi u stabbiltà fl-Ewropa mingħajr paċi u stabbiltà fil-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, ippropona li ssir laqgħa ministerjali tal-MED 9 dwar id-Difiża u s-Sigurtà. Il-Ministru għamel din il-proposta waqt id-diskors tiegħu fl-ewwel Forum UE-MED għall-Paċi u s-Sigurtà, li sar fi Brussell fit-18 ta’ Novembru 2026.
Il-Ministru kien mistieden jieħu sehem f’diskussjoni ta’ livell għoli bit-tema ‘It-Tisħiħ tal-Paċi u s-Sigurtà fil-Mediterran’, flimkien ma’ Hadja Lahbib, Kummissarju Ewropew għat-Tħejjija, il-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-Ugwaljanza, u Asaad Hassan al-Shaiban, Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati tal-Gvern Tranżitorju tar-Repubblika Għarbija Sirjana.
Id-diskussjoni ffukat fuq l-isfidi dejjem jikbru fil-qasam tas-sigurtà fil-Mediterran u fuq kif l-iżviluppi f’dan ir-reġjun għandhom konsegwenzi li jmorru ferm lil hinn mill-fruntieri tiegħu.
Il-Ministru Bedingfield qal li “Malta temmen li ma jistax ikun hemm paċi u stabbiltà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi u stabbiltà fil-Mediterran”. Huwa fakkar li din hija pożizzjoni li Malta ilha tħaddan sa minn żmien il-Prim Ministru Dom Mintoff, li kien ressaq dan il-prinċipju fil-Konferenza tal-OSKE f’Ħelsinki fl-1975. “Ħamsin sena ilu, Malta kienet diġà qed tinsisti li ma jistax ikun hemm sigurtà vera fl-Ewropa mingħajr paċi u stabbiltà fil-Mediterran,” qal il-Ministru.
Huwa spjega li dan il-prinċipju mhuwiex sempliċiment kwistjoni ta’ politika barranija, għaliex dak li jiġri fil-Mediterran jaffettwa direttament il-ħajja ta’ kuljum tan-nies fir-reġjun. Familji u negozji Maltin jiddependu minn rotot marittimi siguri, provvisti affidabbli, enerġija stabbli u servizzi essenzjali, anke f’perjodi ta’ inċertezza reġjonali.
Għalhekk, il-Ministru appella biex l-Ewropa taġixxi minn kmieni minflok tistenna li l-problemi jinbidlu fi kriżijiet. Dan jitlob ħidma mill-qrib mas-sħab Mediterranji, li tinbena l-fiduċja, il-qsim tal-informazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi sabiex jindirizzaw l-isfidi komuni. Fl-istess waqt, saħaq li din għandha tkun sħubija ġenwina, fejn iż-żewġ naħat jisimgħu t-tħassib ta’ xulxin u jaħdmu flimkien fejn ikun hemm interessi komuni.
Il-Ministru Bedingfield irrefera għar-relazzjoni b’saħħitha ħafna li Malta għandha mal-Libja bħala eżempju konkret ta’ dan l-approċċ. Huwa enfasizza li dak li jiġri fil-Libja għandu impatt dirett fuq Malta, u għalhekk pajjiżna jkompli jinvesti fil-kooperazzjoni, fil-fiduċja u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-iżviluppi fis-Sirja, fejn sostna li aktar stabbiltà fil-pajjiż hija importanti għar-reġjun Mediterranju kollu. Huwa saħaq li l-Ewropa għandha tibqa’ impenjata, filwaqt li tappoġġja kundizzjonijiet li jippermettu lin-nies jerġgħu jibnu ħajjithom u, fejn ikun possibbli, jirritornaw lejn pajjiżhom b’mod sigur, volontarju u dinjituż.
Fil-marġini tal-Forum, il-Ministru Bedingfield kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ Taher Salem Al-Baour, Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali bbażat fi Tripli; Asaad Hassan al-Shaiban, Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati tal-Gvern Tranżitorju tar-Repubblika Għarbija Sirjana; u Mohamed Abu Bakr Saleh Fattah, Viċi Ministru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Espatrijati Eġizzjani għall-Affarijiet Afrikani
Other Press Releases:
PR261969en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY No peace and s...
PR261968