STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana
Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet Opinjoni Motivata lil Malta dwar id-deroga għar-riċerka relatata mas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi.
Wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Settembru 2024 fil-Kawża C‑23/23, il-Gvern introduċa għadd ta’ emendi leġiżlattivi bil-għan li jindirizza l-konklużjonijiet tal-Qorti. Dawn l-emendi inkludew ġustifikazzjonijiet ulterjuri għalfejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti.
Minkejja dawn l-isforzi, il-Kummissjoni kompliet bil-proċedura ta’ ksur mibdija fil-21 ta’ Novembru 2025 u issa ħarġet Opinjoni Motivata, li fiha qiegħda tqajjem tħassib dwar jekk id-deroga, skont il-qafas leġiżlattiv rivedut, hijiex ġenwinament intiża għal skop ta’ riċerka.
Il-Gvern Malti jieħu nota ta’ din l-Opinjoni Motivata u jibqa’ impenjat li jkompli bid-djalogu kostruttiv mal-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern issa għandu xahrejn sabiex iwieġeb għall-Opinjoni Motivata.
Il-Gvern ta’ Malta jibqa’ determinat li jiddefendi d-deroga għar-riċerka, filwaqt li jiżgura konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u jħares l-identità kulturali u t-tradizzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261964