Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Malta tlaqqa’ 15-il startup minn 12-il pajjiż biex tavvanza l-innovazzjoni fl-elettronika ċirkolari

PR261961
Date Icon 19/11/2026

Ħmistax-il startup minn 12-il pajjiż iltaqgħu f’Malta ma’ investituri, riċerkaturi u msieħba mill-industrija waqt il-konferenza European Circular Electronics Kickstart Innovation Day 2026.

 

Il-konferenza, li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, iffukat fuq kif l-innovazzjoni tista’ tgħin biex materjali ta’ valur jiġu rkuprati minn tagħmir elettroniku li ma għadux jintuża u jerġgħu jiddaħħlu fil-produzzjoni.

 

Il-konferenza saret bħala parti mill-programm European Circular Electronics Kickstart (ECEK), li jagħti lill-istartups l-opportunità jiżviluppaw u jittestjaw it-teknoloġiji tagħhom u jibnu kuntatti ma’ investituri u msieħba industrijali. Il-programm jagħmel parti mill-proġett EVEN CLOSER, ikkoordinat mill-Università ta’ Calabria u appoġġat mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni. Malta qed tikkontribwixxi għall-programm permezz ta’ MALTAccelerate.

 

Il-Ministru Azzopardi Tanti saħaq li l-irkupru tal-materja prima mit-tagħmir elettroniku jista’ jagħti lin-negozji Ewropej aktar sorsi ta’ materja prima għall-produzzjoni, inaqqas id-dipendenza fuq sorsi esterni u jiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji. “Biex idea innovattiva tinbidel f’negozju ta’ suċċess, hemm bżonn sħubijiet, aċċess għall-finanzjament, opportunitajiet biex jiġu ttestjati s-soluzzjonijiet u, fl-aħħar mill-aħħar, il-ħila li dawn jaslu fis-suq,” qal il-Ministru.

 

Il-Ministru rabat din il-ħidma mal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn ekonomija aktar kompetittiva u sostenibbli, immexxija mill-innovazzjoni. Huwa spjega li s-sħubijiet Ewropej jgħinu lill-intrapriżi Maltin jaċċessaw għarfien speċjalizzat, jidħlu fi swieq internazzjonali u jsiru parti mill-European value chains.

 

Fuq livell nazzjonali, il-Ministru Azzopardi Tanti semma wkoll l-iskemi Business Enhance, li huma appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-perjodu 2021–2027. Irrefera wkoll għal skemi oħra bħal Digitalise Your SME, li permezz tagħha n-negozji jistgħu jinvestu f’teknoloġiji diġitali, fosthom investimenti eliġibbli fl-intelliġenza artifiċjali. L-iskema SME Enhance tappoġġa investimenti produttivi marbuta mat-tkabbir, id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni. Dawn l-iskemi jgħinu lill-intrapriżi żgħar u medji jinvestu fit-teknoloġija u jsaħħu l-kompetittività tagħhom.

 

Alessandro Silvestri, Managing Partner għal MALTAccelerate, qal li l-iskart elettroniku huwa sfida ambjentali li fl-istess ħin toffri opportunità ekonomika għall-Ewropa u għal Malta. “Din l-opportunità tinsab fl-iżvilupp ta’ għarfien espert u ta’ sħubijiet li jippermettu lin-negozji lokali jieħdu sehem fi ktajjen tal-provvista li qed jiżviluppaw fl-Ewropa. L-għan tagħna hu li nuru kif l-ekonomija ċirkolari tista’ tixpruna t-tkabbir ekonomiku. Qed tiġi indirizzata wkoll id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjoni ta’ materja prima strateġika, fejn teknoloġiji ġodda jistgħu jgħinu lill-industrija Ewropea tal-elettronika ssir aktar awtonoma u tikseb kontroll fuq din il-katina ta’ valur strateġiku,” qal is-Sur Silvestri

Permezz ta’ din il-konferenza, l-istartups ingħataw l-opportunità li jiltaqgħu ma’ investituri u msieħba mill-industrija biex jesploraw kif it-teknoloġiji tagħhom għall-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ materjali minn tagħmir elettroniku jistgħu jaslu fis-suq.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Malta tlaqqa’ 15-il startup minn 12-il pajjiż biex tavvanza l-innovazzjoni fl-elettronika ċirkolari
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

Aktar Stqarrijiet Right arrow