Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan

PR261960
Date Icon 19/11/2026
  • Is-St George’s Mall huwa investiment kummerċjali u Malti mifrux fuq 15,000 metru kwadru u se jġib flimkien 60 stabbiliment u brands internazzjonali

 

“L-ekonomija Maltija waslet fi stadju fejn għandha l-ħila u l-opportunità li tagħmel il-qabża li jmiss. Irridu li kull investiment ġdid iżid il-valur ta’ dak li noffru u jiftaħ it-triq għal xogħol aħjar, aktar ħiliet u dħul aħjar. Fil-kummerċ u l-ospitalità, dan jitlob investiment fin-nies daqskemm jitlob investiment fl-infrastruttura. Fit-taħriġ, fl-iżvilupp professjonali u fl-opportunità li persuna tibda f’impjieg u tara futur quddiemha.”

 

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni ta’ investiment kummerċjali ta’ €50 miljun f’San Ġiljan. Is-St George’s Mall huwa stabbiliment, parti minn żvilupp akbar mid-DB Group fil-post, li jinkludi l-Hard Rock Hotel Malta u l-ORA Residences.

 

Il-proġett huwa mifrux fuq 15,000 metru kwadru ta’ art, fuq żewġ sulari u fih se jkun hemm total ta’ 60 stabbiliment, fosthom tal-moda u tal-ikel. Se jinkludi wkoll 1,267 spazju ta’ parkeġġ.

 

L-investiment se jinkludi wkoll 18-il stabbiliment tal-ikel u x-xorb b’kunċetti ġodda, inklużi brands li se jibdew joperaw minn Malta għall-ewwel darba. 

 

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li hija x-xewqa tal-Gvern li fis-setturi tal-ospitalità u l-kummerċ iż-żgħażagħ jaraw opportunitajiet biex javvanzaw, fost oħrajn fit-tmexxija, fil-marketing, fit-teknoloġija u fis-servizzi speċjalizzati. “Hekk in-negozju jissaħħaħ u l-ħaddiem jikber miegħu,” qal Dr Abela. Kompla jgħid li l-fatt li dan l-istabbiliment b’investiment hekk kbir qed iġib taħt saqaf wieħed għażla vasta ta’ gosti differenti, bi brands internazzjonali, hija l-kwalità li l-Gvern irid li jkompli jibni fuqha.

 

“Il-kwalità tinkludi wkoll ir-responsabbiltà lejn l-ambjent u lejn il-karattru ta’ pajjiżna. Għalhekk nilqa’ l-importanza li ngħatat lill-istandards tas-sostenibilità permezz taċ-ċertifikazzjoni LEED (Leadership in Energy and Environmental Design)  u napprezza wkoll li nżammu elementi storiċi tal-binja tal-ITS li wieħed jista’ jara fid-daħla.”

 

Huwa kompla billi fakkar x’inhu l-irwol tal-Gvern biex il-kwalità u l-qabża ekonomika li jmiss isseħħ. “Bħala Gvern, irridu nkomplu noħolqu l-kundizzjonijiet biex investimenti ta’ kwalità jkunu jistgħu jirnexxu. B’direzzjoni ekonomika ċara, bi stabbiltà u b’investiment fl-infrastruttura u fil-ħiliet tan-nies tagħna.”

 

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern huwa konxju tar-riskju li qed jieħu kull imprenditur u huwa għalhekk li l-Gvern qed jibqa’ jisma’ biex jifhem l-isfidi u biex Malta tibqa’ pajjiż fejn min għandu idea jkun jista’ jwettaqha.

 

Fuq l-ekonomija inġenerali l-Prim Ministru qal illi meta l-Gvern jiġi mistoqsi kif Malta rnexxielha tikseb is-suċċess ekonomiku kurrenti, huwa dejjem iwieġeb li dan qed jagħmlu b’elenku twil ta’ miżuri li jagħtu s-saħħa lill-but tal-familji, is-sussidji fuq l-enerġija bħala salvagwardja għall-familji u n-negozji u li l-Gvern qed jiġbor aktar flus mingħajr ma jintroduċi aktar taxxi.

 

“Il-kejl tas-suċċess tagħna jibqa’ kemm dan il-progress li qed nagħmlu jtejjeb il-ħajja tan-nies. Kemm joħloq opportunitajiet għall-familji. Kemm jagħti futur liż-żgħażagħ. U kemm jgħolli l-livell ta’ dak li Malta għandha x’toffri,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

 

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn martu Lydia Abela. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni f’isem l-investituri Maltin kien hemm Silvio Debono Chairman tal-Grupp DB u Paul Gauci Chairman tal-Grupp PG. 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow