Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951
Date Icon 18/11/2026
  • Il-Prim Ministru jippresjedi ftehim kollettiv għal 155 impjegat tal-MCAST li se jfisser titjib fil-kundizzjonijiet, fil-pagi u ħarsien tal-benesseri

 

“L-MCAST għandu rwol ċentrali fil-ħidma tal-pajjiż għall-qabża ekonomika li jmiss, permezz tal-edukazzjoni vokazzjonali u professjonali u tar-rabta tiegħu mad-dinja tax-xogħol. Meta nsaħħu lill-MCAST, inkunu qed ninvestu fil-kapaċità ta’ pajjiżna li jimxi ’l quddiem.”

 

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt iċ-ċerimonja tal-Iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid għal 155 impjegat tal-MCAST, bil-ftehim jirrikonoxxi l-kontribut tal-impjegati fi grad amministrattiv u senior management fl-operat tal-kulleġġ.

 

Dan il-ftehim se jfisser, l-ewwel u qabel kollox, avvanz fil-karriera u opportunitajiet ta’ taħriġ. Dan hekk kif il-ħaddiema se jkollhom aktar opportunità ta’ avvanz permezz ta’ taħriġ u ħiliet kif ukoll kompetenzi ġodda. Il-ftehim se jfisser ukoll titjib fil-pakkett finanzjarju tal-impjegati.

 

“It-titjib fil-pakkett finanzjarju jfisser għarfien akbar għall-ħidma, il-kompetenzi u l-esperjenza tagħkom. Ifisser ukoll aktar serħan il-moħħ għall-familji tagħkom u aktar fiduċja biex tippjanaw għall-futur,” qal Dr Abela. Irrimarka iżda li daqstant kruċjali huma l-opportunitajiet ta’ avvanz u taħriġ u dan għax kull ħaddiem għandu jkollu dritt li jara t-triq ’l quddiem u jkollu l-opportunitajiet li jassumi responsabilitajiet ġodda fl-impjieg tiegħu stess.

 

Aspett ieħor importanti ta’ dan il-ftehim kollettiv huwa l-importanza li jagħti lill-benesseri tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja biex tassew jintlaħaq bilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u l-ħajja personali ta’ persuna.

 

Il-Prim Ministru qal li dan il-ftehim qiegħed ukoll jirrikonoxxi li dawk l-istudenti li qed jiggradwaw bħalissa qed jaslu għal dan il-mument importanti f’ħajjithom grazzi għall-kontribut ta’ kull min jaħdem f’istituzzjoni edukattiva: kemm dawk li jkunu fuq quddiem fil-vjaġġ edukattiv, iżda anke dawk li xogħolhom ma jkunx fil-klassi.

 

Dan il-ftehim jiġi fil-kuntest ta’ investiment qawwi li sar fir-riżorsa umana fl-edukazzjoni. Primarjament, il-ftehim għall-akkademiċi tal-Junior College, li jolqot aktar minn 160 edukatur u dak għall-maniġers tal-MCAST aktar kmieni dan ix-xahar, kif ukoll il-ftehim settorjali tal-edukaturi kollha fl-2024 u l-Ftehim tas-Servizz Pubbliku fl-istess sena ma’ 10 unions.

 

“Inutli ngħidu li rridu ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kieku l-finanzi tal-pajjiż ma jippermettulekx tagħmel dan. Fl-aħħar mill-aħħar trid iddur dejjem għal dak li tiġġenera l-ekonomija. L-ekonomija li ttik biżżejjed biex iżżomm l-istabbiltà fis-settur tal-enerġija, biex iżomm l-inflazzjoni baxxa, u fl-istess waqt biex tibqa’ tinvesti f’iktar kundizzjonijiet tajbin tal-ħaddiema,” temm jgħid il-Prim Ministru, hekk kif iddeskriva lill-ħaddiema f’Malta bħala l-aqwa riżorsa li għandu l-pajjiż.

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri sostna li dan il-ftehim kollettiv huwa rikonoxximent tal-kontribut importanti li l-ħaddiema amministrattivi jagħtu ta’ kuljum fl-MCAST favur l-istudent. “Dan huwa t-tielet ftehim kollettiv li qed niffirmaw fis-settur edukattiv fl-ewwel ħames xhur ta’ din il-leġiżlatura, kollha mibnija fuq prinċipju wieħed: ir-rispett lejn il-ħaddiema. Dan juri impenn kbir li qed nuru lejn il-ħaddiema kollha. Dan se nkomplu nagħmluh fiż-żmien li ġej ma’ gruppi oħra ta’ ħaddiema.”

 

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li permezz ta’ dan il-ftehim qed jinħolqu opportunitajiet aktar ċari u ġusti għall-avvanz fil-karriera filwaqt li jkun garantit is-sodisfazzjon tal-ħaddiema.

 

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella qal li bħala kulleġġ irid li l-ħaddiema jkomplu jiżviluppaw il-karriera tagħhom. Qal ukoll li dan il-ftehim huwa parti minn elenku sħiħ ta’ ħidma biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella esprima sodisfazzjon għal dak li ddesriva bħala “ftehim bla preċedent li ġie ffirmat 43 ġurnata qabel ma jiskadi dak li hemm fis-seħħ illum.” Is-Sur Vella nnota kif dan il-ftehim se jfisser titjib sostanzjali fil-ħlas u kundizzjonijiet oħra.

 

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat mill-Prinċipal tal-MCAST Stephen Vella, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Isabelle Farrugia, flimkien ma’ Thomas Woods, Ronald Curmi u rappreżentanti oħrajn tal-istitut u tal-UĦM – Voice of the Workers.

 

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim ġie ppresjedut mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport Matthew Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow