STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti
L-Aġenzija Żgħażagħ, flimkien mal-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali rrikonoxxa l-ħidma u l-kontribut tar-rappreżentanti tal-kunsilli tal-istudenti fl-istituzzjonijiet postsekondarji waqt iċ-ċerimonja tal-Post-Secondary Student Council Democracy Awards.
L-attività kienet opportunità sabiex jiġu ċċelebrati l-involviment u t-tmexxija taż-żgħażagħ fil-komunitajiet edukattivi tagħhom, filwaqt li ġiet enfasizzata l-importanza tal-kunsilli tal-istudenti bħala pjattaforma li permezz tagħha ż-żgħażagħ jistgħu jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom direttament.
Bħala parti mill-attività, ittellgħet ukoll diskussjoni fil-qafas tal-EU Youth Dialogue, li matulha l-istudenti kellhom l-opportunità jiddiskutu mal-Ministru temi bħall-intelliġenza artifiċjali, il-midja soċjali u l-vuċi taż-żgħażagħ fis-soċjetà.
Matul id-diskussjoni ġiet enfasizzata l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa sabiex jivvalutaw b’mod kritiku l-informazzjoni li tilħaqhom, partikolarment f’ambjent diġitali fejn l-informazzjoni hija dejjem aktar aċċessibbli. Filwaqt li l-midja soċjali u l-intelliġenza artifiċjali joffru opportunitajiet ġodda għat-tagħlim u l-komunikazzjoni, huwa importanti li ż-żgħażagħ ikunu kapaċi jagħrfu l-affidabbiltà u l-eżattezza tal-informazzjoni.
Waqt iċ-ċerimonja ġew ippreżentati wkoll il-proġetti mwettqa mill-kunsilli tal-istudenti, qabel ma ngħataw l-għotjiet ta’ rikonoxximent mill-Ministru Omar Farrugia, mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ.
L-inizjattiva tkompli tenfasizza li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ mhijiex limitata għall-preżenza tagħhom f’attivitajiet, iżda għandha tkun parti integrali mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ħiliet ta’ tmexxija, kollaborazzjoni u responsabbiltà ċivika li jiżviluppaw permezz tar-rappreżentanza huma parti importanti mill-iżvilupp personali tagħhom u mill-bini ta’ soċjetà aktar parteċipattiva.
Waqt din id-diskussjoni, il-Ministru Omar Farrugia enfasizza l-importanza li l-vuċi taż-żgħażagħ tkompli tinstema’, filwaqt li rringrazzja lir-rappreżentanti tal-istudenti għall-impenn tagħhom sabiex isaħħu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza fil-komunitajiet edukattivi tagħhom.
“Il-kunsilli tal-istudenti għandhom rwol importanti biex jagħtu vuċi lill-istudenti u jrawmu fihom it-tmexxija, il-kollaborazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà. Irridu nibqgħu noħolqu aktar opportunitajiet fejn nisimgħu liż-żgħażagħ u nagħtuhom spazju biex ikunu parti mill-bidla. Huwa għalhekk li qed inħejju wkoll The Youth Floor, forum nazzjonali ġdid li permezz tiegħu ż-żgħażagħ se jkunu involuti direttament fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet,” stqarr il-Ministru Farrugia.
Ritratti: MYWI
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261949en