Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR €1.16 miljun biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi mistagħdra kostali

PR261949
Date Icon 18/11/2026

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti nieda uffiċjalment il-proġett WET_ADAPT, proġett immexxi minn BirdLife Malta biex tindirizza l-pressjonijiet dejjem jikbru tat-tibdil fil-klima fuq l-artijiet mistagħdra kostali tal-Mediterran.

 

Waqt it-tnedija li saret fir-Riserva Naturali tas-Salina, il-Ministru Azzopardi Tanti indirizza lill-imsieħba tal-proġett u lill-mistednin, u enfasizza l-importanza tal-investiment Ewropew fil-ħarsien tal-ambjent.

 

Minbarra BirdLife Malta bħala l-imsieħeb ewlieni, WET_ADAPT jiġbor flimkien tliet imsieħba oħra: l-Università ta’ Malta, LIPU (BirdLife Italy) u l-Park Nazzjonali ta’ Pantelleria. Il-proġett għandu baġit totali ta’ €1.16 miljun, li minnhom 80% huma ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-proġett se jdum għaddej sa Frar 2029, taħt il-programm Interreg VI-A Italia–Malta 2021–2027.

 

L-artijiet mistagħdra jsostnu l-bijodiversità, jirregolaw ir-riżorsi tal-ilma u jipprovdu benefiċċji importanti lill-komunitajiet tal-madwar. Madankollu, temperaturi dejjem jogħlew, nixfiet fit-tul, xejriet differenti kif tinżel ix-xita qed iżidu l-pressjoni fuq dawn il-ħabitats importanti.

 

F’Malta, WET_ADAPT se jiffoka fuq ir-riabilitazzjoni ekoloġika tar-Riserva Naturali tas-Simar fix-Xemxija. Din l-art mistagħdra, li hija protetta kemm bħala sit Natura 2000 kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ramsar, esperjenzat żieda fil-livelli ta’ salinità. Dan qed jhedded il-ħabitats tagħha tal-ilma ħelu u tal-ilma salmastru.

 

Permezz ta’ monitoraġġ idroloġiku u ekoloġiku, ir-riċerkaturi se jkejlu l-livelli tal-ilma, l-imluħa u kundizzjonijiet ambjentali oħra. Studji xjentifiċi u mudelli ta’ analiżi se jgħinu fit-tfassil ta’ miżuri ta’ ġestjoni mfassla biex jirrispondu għal kundizzjonijiet ambjentali li jinbidlu. Dawn se jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħabitats u jsaħħu l-ħarsien tal-bijodiversità. Fi Sqallija, attivitajiet pilota kumplimentari se jsiru f’Saline di Priolo u f’Lago di Venere f’Pantelleria.

 

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li dan il-proġett se jgħin sabiex nifhmu aħjar kif in-nixfa u t-tibdil fil-klima qed jaffettwaw iż-żoni mistagħdra tagħna. “Fis-Simar u fiż-żona tal-Pwales, il-monitoraġġ tal-ilma u r-riċerka fuq il-post se jagħtuna l-għarfien meħtieġ biex intejbu l-ħarsien ta’ dawn il-ħabitats. Il-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Italja f’dan l-aspett tagħtina ċ-ċans naqsmu l-għarfien u nsibu soluzzjonijiet għal sfidi li jolqtu liż-żewġ pajjiżi. Irridu li r-riċerka li ssir illum tkompli tiggwida d-deċiżjonijiet tagħna dwar il-konservazzjoni anke wara li jintemm il-proġett,” kompla l-Ministru.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, qal “WET_ADAPT jimmarka pass storiku għalina: l-ewwel proġett tagħna ffinanzjat mill-programm Interreg Italia–Malta tal-UE u l-ewwel inizjattiva tagħna għall-ġestjoni tal-ħabitats iffinanzjata minn fondi Ewropej. Iżda lil hinn minn dan is-suċċess hemm xi ħaġa ferm aktar importanti: li nieħdu azzjoni konkreta biex nadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Qed immexxu proġett li għandu x-xjenza u d-data xjentifika bħala s-sinsla tiegħu, għaliex ix-xjenza hija l-pedament ta’ azzjoni infurmata, turina fejn ninsabu, x’jeħtieġ jinbidel u kif għandna naġixxu bl-aħjar mod. WET_ADAPT ifisser li nbiddlu dan l-għarfien f’azzjoni konkreta u sinifikanti.”

 

Il-proġett se jiżviluppa wkoll għodod komuni għall-ġestjoni u strateġiji ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. L-għarfien miksub jista’ jgħin fil-ġestjoni sostenibbli ta’ artijiet mistagħdra oħra fil-Mediterran.

 

Permezz tar-riċerka xjentifika u l-kooperazzjoni bejn Malta u Sqallija, WET_ADAPT għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-artijiet mistagħdra. B’hekk, dawn l-ekosistemi importanti jkunu jistgħu jitħarsu għall-ġenerazzjonijiet futuri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  €1.16 miljun biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi mistagħdra kostali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  €1.16 miljun biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi mistagħdra kostali
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  €1.16 million to strengthen the resilience of coastal wetlands

PR261949en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern se jkunu jistgħu jiġu mibdija jew imġedda mit-tobba privati tal-familja

PR261948

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow