Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern se jkunu jistgħu jiġu mibdija jew imġedda mit-tobba privati tal-familja

PR261948
Date Icon 18/11/2026

Il-Ministeru għas-Saħħa se jestendi d-drittijiet tal-ispeċjalisti fil-mediċina tal-familja biex jibdew jew iġeddu l-intitolament għal aktar mediċini taħt l-Iskeda V, magħrufa aħjar bħala l-mediċini tal-karta s-safra. Din il-miżura se tiffaċilita l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini li għandhom bżonn u ssaħħaħ l-irwol tal-kura primarja fil-komunità.

 

L-estensjoni tkopri mediċini għal diversi kundizzjonijiet, fosthom dawk tas-saħħa mentali, respiratorji, kardjovaskulari, tad-dijabete u tar-rewmatoloġija. Skont il-mediċina u l-kundizzjoni, l-ispeċjalisti fil-mediċina tal-familja se jkunu jistgħu jibdew it-trattament jew iġeddu trattament diġà stabbilit, skont il-kriterji applikabbli. Fil-każ ta’ ċerti mediċini għall-kundizzjonijiet respiratorji, fosthom l-ażma, din l-estensjoni tapplika wkoll għall-ispeċjalisti fil-pedjatrija.

 

Din il-miżura tibni fuq sensiela ta’ riformi li daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena biex jissaħħaħ l-irwol tat-tobba tal-familja, inkluż li mill-1 ta’ Settembru, għall-ewwel darba mill-2007 ’l hawn, twessa’ l-aċċess tal-ispeċjalisti fil-privat, inklużi l-ispeċjalisti fil-mediċina tal-familja, sabiex jordnaw investigazzjonijiet mediċi fis-servizz pubbliku. B’hekk jistgħu jitolbu firxa usa’ ta’ testijiet tad-demm u eżamijiet bl-ultrasound għall-pazjenti tagħhom, bit-talbiet u r-riżultati jiġu pproċessati elettronikament permezz ta’ myHealth.

 

Dawn it-tobba tal-familja, inklużi dawk fil-privat, ftit xhur ilu diġà ngħataw il-possibbiltà li jippreskrivu erba’ prodotti oħra għall-pazjenti tagħhom. Issa, permezz tat-tħabbira tal-lum, se jkunu jistgħu jibdew jew iġeddu l-intitolament għal aktar mediċini, inklużi l-escitalopram u l-alprazolam, li ddaħħlu fil-Formularju tal-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu u li minnhom jagħmlu użu madwar 5,300 pazjent.

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, qal “Irridu li l-pazjent ma jintilifx fil-burokrazija imma jkun jista’ jieħu l-kura eqreb tiegħu. Wara li wessajna l-aċċess għall-investigazzjonijiet mediċi għall-ewwel darba mill-2007 u tajna lit-tobba tal-familja fil-privat il-possibbiltà li jippreskrivu aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern, issa qed nagħmlu pass ieħor. Bi qbil mal-ispeċjalisti, fassalna lista usa’ ta’ mediċini li t-tobba tal-familja tagħna jistgħu jippreskrivu jew iġeddu. Hekk qed innaqqsu l-ħtieġa li t-tabib tal-familja jirreferi pazjent għand speċjalista ieħor sempliċiment biex jinbeda jew jiġġedded l-intitolament għal ċerti mediċini. Dan ifisser inqas ġiri għall-pazjenti u aktar ħin għall-ispeċjalisti biex jiffokaw fuq il-pazjenti li jeħtieġu l-kura speċjalizzata tagħhom.”

 

Din l-estensjoni diskussa flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati (APFD), tal-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja (MCFD) u tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) se titħaddem skont il-kundizzjonijiet speċifiċi għal kull mediċina, filwaqt li jinżamm l-involviment tal-ispeċjalisti l-oħra fejn meħtieġ.

 

Flimkien, dawn ir-riformi qed isaħħu l-kollaborazzjoni bejn is-servizz pubbliku u t-tobba fil-privat, biex il-pazjenti jkollhom aċċess aktar faċli għall-investigazzjonijiet u l-mediċini li jeħtieġu, b’aktar kura qrib tagħhom. Dawn huma parti minn eżerċizzju usa’ li se jkompli biex jitjieb dejjem aktar l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa.

PR261948a.pdf


Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow