STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) qed jorganizza l-Career Expo annwali tiegħu kif ukoll il-Malta Skills Championships fil-kampus tiegħu f’Ħal Luqa. Dawn iż-żewġ inizjattivi qed jiġbru flimkien studenti, rappreżentanti tal-industrija u professjonisti aspiranti sabiex jiċċelebraw l-opportunitajiet ta’ karriera u l-eċċellenza vokazzjonali fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità.
L-ITS Career Expo qed jilqa’ madwar 25 organizzazzjoni minn diversi oqsma tal-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Dan jipprovdi lill-istudenti bl-opportunità li jiltaqgħu u jagħmlu kuntatt ma’ min jista’ jimpjegahom fil-futur, isiru jafu aktar dwar organizzazzjonijiet differenti u jesploraw opportunitajiet ta’ karriera.
Flimkien mal-Career Expo, l-ITS qed jorganizza wkoll il-Malta Skills Championships, fejn il-kompetituri se jkollhom l-opportunità jittestjaw l-kompetenza teknika tagħhom f’ħames dixxiplini: Tisjir, Ħami (Bakery), Pâtisserie and Confectionery, Servizz fir-Ristoranti u Akkoljenza fil-Lukandi.
Permezz ta’ sensiela ta’ sfidi prattiċi, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità juru l-kapaċitajiet tagħhom u juru l-livelli għoljin ta’ kwalità u l-ħiliet professjonali meħtieġa fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Il-kompetizzjonijiet huma miftuħa wkoll għall-pubbliku u għalhekk il-viżitaturi huma mistiedna jsegwu l-isfidi, jinkoraġġixxu lill-kompetituri u jaraw il-ħiliet vokazzjonali fil-prattika.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jenfasizzaw il-valur tal-edukazzjoni vokazzjonali u r-rabta bejn l-edukazzjoni u l-industrija. Dawn l-inizjattivi jagħtu lill-istudenti opportunità jesploraw karrieri, jiltaqgħu ma’ min iħaddem u jifhmu l-ħiliet meħtieġa fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità.
“Is-settur tat-turiżmu huwa vitali għall-ekonomija ta’ pajjiżna, u għalhekk irridu nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u nħarsu lejn il-ħtiġijiet futuri tal-industrija Maltija. Il-Malta Skills Championships jiċċelebraw it-talent u d-dedikazzjoni taż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li jippromwovu l-eċċellenza vokazzjonali. Kif ħabbarna wkoll fil-Budget, nibqgħu impenjati li nipprovdu liż-żgħażagħ is-sostenn, l-esperjenza prattika u l-opportunitajiet meħtieġa biex jibnu karriera ta’ suċċess f’dan is-settur,” stqarr il-Ministru Abela.
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-ITS, Claire Briffa, qalet “L-ITS Career Expo annwali jġib flimkien lill-istudenti u lill-industrija. Din is-sena, l-organizzazzjoni tiegħu flimkien mal-Malta Skills Championships toffri opportunità biex nilqgħu studenti mill-iskejjel sekondarji u nintroduċuhom għal dan is-settur. L-istudenti jistgħu jisimgħu direttament mingħand min iħaddem dwar il-karrieri fit-turiżmu u l-ospitalità, filwaqt li jaraw b’għajnejhom il-ħiliet, il-kompetenzi u l-professjonalità li jeħtieġu dawn il-karrieri.”
Għal dawn l-attivitajiet kien hemm preżenti wkoll in-National Skills Council, li jmexxi l-WorldSkills Malta u jirrappreżenta uffiċjalment lil Malta fi ħdan WorldSkills Europe. Il-Malta Skills Championships qed jiġu organizzati b’kollaborazzjoni bejn l-ITS u l-MCAST.
Other Press Releases:
PR261944
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261943