Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944
Date Icon 17/11/2026

Tliet persuni b’diżabilità ġew impjegati waqt il-fażi ta’ prova tal-proġett MASCOT, inizjattiva li qed tiżviluppa smart work station li jadatta għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema fil-manifattura. Il-progress tal-proġett u l-ewwel osservazzjonijiet mill-provi ġew ippreżentati lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u lill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

 

Il-proġett ta’ riċerka u innovazzjoni qed jitmexxa mill-Università ta’ Malta, b’finanzjament minn Xjenza Malta u b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Sapport u Seifert Systems. Il-proġett beda f’Ġunju 2025 u huwa mifrux fuq 36 xahar. Fost is-soluzzjonijiet li qed jiġu esplorati hemm għodod speċjalizzati, kontrolli tad-dawl u tal-ħoss, u teknoloġija assistiva.

 

Il-‘work station’ ġie ppruvat fl-Università ta’ Malta, fejn 12-il persuna ħadu sehem fuq bażi volontarja fil-fażi tad-disinn u l-iżvilupp. L-ingaġġ tat-tliet persuni b’diżabilità waqt il-fażi ta’ prova ġie kkoordinat minn Jobsplus, l-Università ta’ Malta u Aġenzija Sapport. It-terapisti, ir-riċerkaturi u t-tim tas-servizz Way to Work ta’ Aġenzija Sapport taw sehemhom fid-disinn u fl-ittestjar tal-work station, filwaqt li ġabru l-feedback tal-parteċipanti.

 

Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li nġabru waqt il-provi se jintużaw biex jittejjeb id-disinn. Il-‘work station’ imbagħad jerġa’ jiġi ttestjat biex jiġi vvalutat kemm hu aċċessibbli u faċli biex jintuża, u kemm jissodisfa l-istandards tal-kwalità u l-miri tal-produzzjoni. L-għan hu li jgħin lill-ħaddiema b’diżabilità jwettqu xogħolhom fil-produzzjoni ta’ Seifert Systems u, jekk il-provi jirnexxu, li joħloq aktar opportunitajiet ta’ impjieg fil-kumpanija.


Il-Ministru Julia Farrugia qalet li x-xogħol jagħti lil kull persuna l-opportunità li tuża l-ħiliet tagħha, taqla’ l-għajxien tagħha u tgħix b’aktar indipendenza. Hija saħqet li l-persuni b’diżabilità għandu jkollhom aktar għażla dwar fejn jaħdmu u l-istess opportunitajiet biex jitħarrġu u javvanzaw fil-karriera tagħhom.

 

“Bħala Gvern irridu li dawn l-opportunitajiet jinfetħu f’aktar setturi tal-ekonomija. Xi drabi, persuna jkollha l-ħiliet biex tagħmel xogħol, iżda ssib ostaklu fil-mod kif ikun imfassal il-post tax-xogħol jew fl-għodod li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha. Il-proġett MASCOT qed juri kif nistgħu nindirizzaw dawn l-ostakli fil-manifattura, billi ninvolvu lill-ħaddiema b’diżabilità fit-tfassil u fl-ittestjar tas-soluzzjonijiet li se jużaw huma stess. Se nkomplu nappoġġjaw kollaborazzjonijiet bejn is-servizzi pubbliċi, u l-privat biex aktar kumpaniji jkunu jistgħu jadattaw il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Irridu li aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jagħżlu xogħol li jaqbel mal-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tagħhom u jkollhom il-possibbiltà li jibnu karriera fis-settur li jagħżlu huma stess,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima qal, "Ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-aħħar mill-aħħar iridu jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajjiet tan-nies – għaċ-ċittadini kollha tagħna. Il-valur veru tagħhom mhux sempliċiment fl-għarfien li jiġġeneraw, iżda fil-mod kif dak l-għarfien jiġi tradott f'soluzzjonijiet prattiċi li jindirizzaw il-bżonnijiet reali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. Il-proġett MASCOT juri li l-inklużjoni u l-produttività mhumiex objettivi li jikkompetu ma' xulxin; jistgħu, u għandhom, isaħħu lil xulxin. Billi nirrikonoxxu l-abbiltajiet, it-talenti u l-potenzjal ta' kull individwu, u niżguraw li l-postijiet tax-xogħol ikunu ddisinjati biex jippermettu lil kulħadd jikkontribwixxi bl-aħjar mod possibbli, insaħħu mhux biss l-individwi iżda wkoll l-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Dan huwa preċiżament it-tip ta' innovazzjoni li għandna ninkoraġġixxu: riċerka li tgħaqqad flimkien l-akkademja, l-industrija u l-istituzzjonijiet pubbliċi, twieġeb għal sfidi reali u twassal benefiċċji tanġibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tar-riċerka għandu jitkejjel mid-differenza pożittiva li tagħmel lis-soċjetà u mill-abbiltà tagħha li tiżgura li ħadd ma jitħalla lura."

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, saħaq li l-involviment dirett ta’ persuni b’diżabilità fid-disinn u fl-ittestjar huwa essenzjali biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli, prattika u msejsa fuq il-ħtiġijiet tagħhom. “Permezz tal-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku, l-akkademja u l-industrija, nistgħu nibnu ambjenti tax-xogħol li jadattaw għall-persuna u jagħrfu l-kapaċitajiet tagħha,” temm jgħid Scicluna. 

 

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Frank Bezzina enfasizza s-sinifikat li l-awtomazzjoni intelliġenti u avvanzata tiġi kkombinata ma’ disinn sostenibbli ffukat fuq il-persuna u ma’ empatija soċjali. Huwa saħaq li l-work station MASCOT jippermetti lil persuni b’abbiltajiet fiżiċi u konjittivi differenti jipparteċipaw b’mod sħiħ, sigur u awtonomu fi proċessi ta’ assemblaġġ f’ambjenti ta’ manifattura b’teknoloġija avvanzata. “Billi ngħaqqdu flimkien id-dixxiplini tal-Inġinerija u l-Istudji dwar id-Diżabilità, ma nġiegħlux lill-bnedmin jadattaw għal magni riġidi, iżda nistgħu nwittu t-triq biex niddisinjaw magni li jadattaw għall-bniedem.” 

 

Philipp Seifert, Maniġer Ġenerali ta’ Seifert Systems Ltd, stqarr li l-appoġġ għal proġetti ta’ dan it-tip huwa l-aħjar ħaġa li tista’ ssir, mhux biss mil-lat tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR), iżda wkoll għaliex jagħmel sens kummerċjali. Huwa saħaq li l-għoti ta’ opportunitajiet ta’ impjieg f’suq tax-xogħol fejn hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema, filwaqt li fl-istess ħin tiġi promossa l-inklużjoni, isaħħaħ ir-reputazzjoni u l-pożizzjoni tal-organizzazzjoni.

 

Preżenti kien hemm ukoll il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Prof. Inġ. Simon Fabri, il-Prof. Inġ. Emanuel Francalanza, li jmexxi l-proġett, u rappreżentanti ta’ Xjenza Malta, Seifert Systems, Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni Lino Spiteri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

Aktar Stqarrijiet Right arrow