STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026
Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami sal-aħħar ta’ Novembru 2026. Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-14,000 eżami li saru matul is-sena 2025 kollha
Dan it-tkabbir jirrifletti l-impenn kontinwu ta’ San Vinċenz li jinvesti f’teknoloġija moderna, ikompli jwessa’ s-servizzi tas-saħħa u jtejjeb l-aċċess għal eżamijiet speċjalizzati għall-anzjani.
Matul dawn l-aħħar snin, id-Dipartiment għadda minn żvilupp sostanzjali, kemm f’dak li hu tagħmir kif ukoll fil-firxa ta’ servizzi offruti. Illum jipprovdi diversi eżamijiet dijanjostiċi, fosthom X-rays, ultrasounds, videofloroskopija, eżamijiet tad-densità tal-għadam, CT scans u MRI.
L-iżvilupp tad-Dipartiment beda bil-ftuħ tiegħu fl-2021, mgħammar b’apparat modern tal-X-rays u tal-videofloroskopija. Matul is-snin ġew introdotti aktar servizzi fosthom is-servizzi tal-ultrasound, is-servizz tal-kejl tad-densità tal-għadam, żewġ magni portabbli tal-X-ray li jippermettu li l-eżamijiet isiru direttament ħdejn is-sodda tar-residenti u magna CT Scan avvanzata. Żvilupp importanti ieħor seħħ din is-sena meta ġiet inawgurata magna ġdida tal-MRI waqt li l-aktar żvilupp riċenti sar f’Awwissu meta ġiet introdotta t-tielet magna tal-ultrasound, speċjalizzata fl-eżamijiet muskoloskeletali.
Dawn is-servizzi huma disponibbli għar-residenti, kif ukoll għal persuni li għandhom 60 sena jew aktar mill-komunità u minn djar oħra tal-anzjani.
Permezz ta’ investiment kontinwu fit-teknoloġija, fl-infrastruttura u fis-servizzi, San Vinċenz qed ikompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala ċentru li jipprovdi kura tas-saħħa komprensiva għall-anzjani.
Il-fatt li din is-sena mistennija jinqabżu l-20,000 eżami huwa pass importanti ieħor biex il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-anzjani tagħna jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’servizzi moderni, aċċessibbli u ta’ kwalità.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942