Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942
Date Icon 17/11/2026

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, ipparteċipa fil-laqgħa parlamentari tal-Unjoni Interparlamentari (IPU) li saret fil-qafas tal-31 Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP31), organizzata mill-Unjoni Interparlamentari (IPU) b’kollaborazzjoni konġunta mal-Assemblea Nazzjonali l-Kbira tat-Türkiye, f’Antalya, it-Türkiye.

 

Matul il-laqgħa, l-Ispeaker enfasizza l-importanza partikolari li t-tibdil fil-klima għandu għal Malta, filwaqt li ġibed l-attenzjoni lejn il-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw l-Istati gżejjer żgħar, b’mod speċjali dawk fir-reġjun tal-Mediterran. Huwa nnota li ż-żieda fit-temperaturi, in-nuqqas tal-ilma, il-fenomeni meteoroloġiċi estremi u l-pressjoni dejjem tikber fuq iż-żoni kostali u l-infrastruttura joħolqu sfidi sinifikanti għal Malta. Dawn l-isfidi mhux biss jolqtu l-ambjent, iżda għandhom ukoll riperkussjonijiet fuq ir-reżiljenza ekonomika, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-ilma, kif ukoll il-benesseri tal-komunitajiet.

 

L-Ispeaker saħaq li ċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istati gżejjer żgħar għandhom jibqgħu fuq quddiem nett fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-klima. F’dan il-kuntest, enfasizza l-ħtieġa għal finanzjament klimatiku adegwat, aċċessibbli u prevedibbli, sabiex pajjiżi b’riżorsi limitati jkunu jistgħu jimplimentaw miżuri effettivi ta’ adattament u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għall-effetti tat-tibdil fil-klima.

 

L-Ispeaker irrimarka li, filwaqt li huma l-gvernijiet li jinnegozjaw il-ftehimiet internazzjonali dwar il-klima, il-parlamenti għandhom responsabbiltà fundamentali li jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħhom. Dan huwa rwol li jinkludi l-iskrutinju tal-azzjonijiet tal-gvernijiet, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa, l-approvazzjoni tal-infiq pubbliku u l-iżgurar tar-responsabbiltà u t-trasparenza.

 

Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-objettivi klimatiċi jkunu riflessi b’mod adegwat fil-leġiżlazzjoni u fil-baġits nazzjonali, li l-investiment pubbliku jikkontribwixxi għar-reżiljenza u għall-adattament, u li l-progress f’dan il-qasam ikun imħares b’mod trasparenti. Skont l-Ispeaker, l-iskrutinju parlamentari huwa essenzjali sabiex l-impenji klimatiċi meħuda fuq livell internazzjonali jwasslu għal riżultati konkreti.

 

L-Ispeaker Abela enfasizza wkoll l-importanza tad-diplomazija parlamentari, u ddeskriva lill-IPU bħala pjattaforma siewja li tippermetti lill-membri parlamentari jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, isaħħu r-relazzjonijiet bejniethom u jrawmu kooperazzjoni internazzjonali prattika fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima.

 

Carmelo Abela, kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali l-Kbira tat-Türkiye, il-Prof. Dr Numan Kurtulmuş, li matulha ġew diskussi r-relazzjonijiet storiċi bejn Malta u t-Türkiye u l-opportunitajiet biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

 

Il-laqgħa serviet biex jiġi affermat mill-ġdid l-impenn komuni favur id-djalogu politiku u parlamentari, mibni fuq il-pedamenti sodi tar-relazzjonijiet bilaterali li ilhom jeżistu sa mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi fl-1967.

 

Iż-żewġ naħat irrikonoxxew il-momentum pożittiv li qed jikkaratterizza r-relazzjonijiet bejn Malta u t-Türkiye, b’mod partikolari permezz ta’ żjarat ta’ livell għoli u kuntatti parlamentari regolari. F’dan il-kuntest, ġiet enfasizzata l-importanza tal-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija Malta–Türkiye, li twaqqaf f’Awwissu 2025 u ġie kkostitwit mill-ġdid f’Ottubru 2026 wara l-elezzjoni ġenerali f’Malta, bħala mezz importanti biex jissaħħu r-rabtiet istituzzjonali u d-djalogu bejn iż-żewġ parlamenti.

 

Iż-żewġ Speakers enfasizzaw l-irwol importanti tad-diplomazija parlamentari fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi u fil-promozzjoni tal-ftehim u l-għarfien reċiproku. Huma laqgħu l-ħidma kontinwa tal-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija Malta–Türkiye u l-opportunitajiet li dan joħloq għal aktar kuntatt bejn il-membri parlamentari.

 

Waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet marbuta mas-COP31 f’Antalya, l-Ispeaker żar ukoll il-COP Expo, fejn kellu l-opportunità li jsir aktar familjari mal-inizjattivi, l-innovazzjonijiet u s-soluzzjonijiet li qed jiġu ppreżentati fil-qasam tal-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà.

 

Matul iż-żjara tiegħu, l-Ispeaker żar ukoll l-Uffiċċju ta’ Malta fl-EXPO31, fejn iltaqa’ mar-rappreżentanti Maltin li jinsabu f’Antalya f’isem il-Gvern ta’ Malta, jaħdmu fuq it-tħejjija tad-dokumenti rilevanti u jipparteċipaw f’laqgħat relatati mal-proċess tal-COP31. Din il-laqgħa offriet opportunità għall-iskambju ta’ ideat u għad-diskussjoni dwar il-ħidma li Malta qed twettaq f’dan ir-rigward.

 

Fl-aħħar nett, l-Ispeaker tenna li l-ambizzjoni fil-qasam klimatiku għandha timxi id f’id ma’ finanzjament adegwat, responsabbiltà demokratika u solidarjetà internazzjonali. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi jaħdmu flimkien sabiex l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati iżgħar u dawk l-aktar vulnerabbli jingħataw l-attenzjoni u l-appoġġ li jixirqilhom.

 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  “L-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Libja” – il-Ministru Fearne

PR261941

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ “L-Unjoni Ewr...

Aktar Stqarrijiet Right arrow