STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ “L-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Libja” – il-Ministru Fearne
L-Unjoni Ewropea għandha tieħu rwol aktar attiv fil-Libja biex tikkontribwixxi għall-istabbiltà u s-sigurtà fil-Mediterran. Dan saħqu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Chris Fearne, fi Brussell, fejn qed jipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Fearne sostna li, minkejja li s-sitwazzjoni fil-Libja għadha instabbli, hemm sinjali ta’ progress li għandhom jiġu mħeġġa. Huwa appella biex l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-involviment tagħha fil-pajjiż, partikolarment fi żmien meta pajjiżi oħra qed ikollhom rwol attiv fir-reġjun.
Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-Ministru Fearne tenna l-appell ta’ Malta biex l-Iżrael jerġa’ jiftaħ il-kurituri umanitarji, sabiex l-għajnuna li tinsab fil-fruntieri tkun tista’ tasal għand il-poplu ta’ Gaża, fejn għadha għaddejja kriżi umanitarja.
Rigward is-Sirja, il-ministru qal li l-pajjiż qed juri sinjali ta’ progress u li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġa l-isforzi favur l-istabbiltà u s-sigurtà. Huwa enfasizza l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet mal-poplu u l-gvern Sirjan, mhux biss fuq livell politiku, iżda wkoll permezz ta’ skambji kulturali, soċjali u kummerċjali.
Il-Ministru Fearne saħaq li l-istabbiltà tal-Ewropa hija marbuta direttament mal-paċi, is-sigurtà u l-prosperità fil-Mediterran, u għalhekk huwa fl-interess ta’ Malta li l-Unjoni Ewropea tagħti prijorità lill-iżviluppi fir-reġjun.
Dwar in-negozjati tal-paċi fl-Ukrajna, il-ministri qablu li l-attenzjoni issa għandha tkun fuq is-sustanza tad-diskussjonijiet kif ukoll li waqfien mill-ġlied u garanziji ta' sigurtà għall-Ukrajna għandhom ikunu ta’ prijorità.
Wara t-tmiem tal-laqgħa tal-FAC, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE ltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom mill-Kawkasu t'Isfel, l-Asja Ċentrali, il-Moldova, it-Turkija u l-Ukrajna fit-tieni laqgħa ministerjali.
Il-Ministru Fearne esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar l-Iswed, u enfasizza l-importanza tal-libertà tan-navigazzjoni, ħaġa li hija speċjalment importanti għal Malta bħala nazzjon marittimu. Huwa appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tmexxi l-isforzi sabiex jiġu esplorati metodi sabiex jittaffew l-ispejjeż marittimi assoċjati mat-tensjoni li qed teskala.
Filwaqt li fakkar li Malta tospita ċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi, huwa assigura lis-sħab tal-UE li Malta hija lesta li tipprovdi assistenza teknika u miżuri fil-kuntest ta’ Strateġija ġdida possibbli għall-Baħar l-Iswed.
Fil-marġini tal-laqgħat fi Brussell, il-Ministru Fearne kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija, Hakan Fidan.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en