STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli
Ġewwa l-Isptar Mater Dei ġie inawgurat bust ta’ Ġorġ Agius, magħruf bħala Ġorġ tal-Mużew jew l-Għannej tal-Mulej, bħala rikonoxximent ta’ ħajja ddedikata biex iwassal faraġ, kuraġġ u ferħ lil dawk li kienu għaddejjin minn mumenti diffiċli.
L-inizjattiva ta’ Mark Schembri tfakkar ir-rabta speċjali li Ġorġ kellu mal-pazjenti u mal-isptarijiet. Għal għexieren ta’ snin, Ġorġ kien iżur lill-morda u lill-anzjani ta’ kuljum. Permezz tat-taqbiliet spontanji tiegħu, ħafna drabi ispirati mill-kelma tal-Mulej, u bi kliemu mimli ħlewwa, kien inissel tbissima u jagħti wens lil dawk li tant kienu jeħtiġuh.
Il-bust f’Mater Dei se jservi bħala tifkira dejjiema ta’ persuna li wriet kemm il-preżenza, l-attenzjoni u l-ħin mogħti lill-oħrajn jistgħu jagħmlu differenza f’ħajjithom.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg qal li kien ta’ pjaċir għalih li jappoġġja din l-inizjattiva, li tfakkar mhux biss persuna għażiża, iżda wkoll il-valur sabiħ tas-solidarjetà fis-soċjetà tagħna u l-mod kif nieħdu ħsieb xulxin.
“L-inizjattiva tal-lum tfakkar lil Ġorġ tal-Mużew u tagħti ġieħ ukoll lil dawk kollha li jimxu fuq il-passi tiegħu. Ġorġ kien jaf li kelma ta’ faraġ u ftit ħin ħdejn persuna marida għandhom valur kbir. B’sempliċità u b’qalb kbira, kien jidħol fis-swali tal-isptar u jieħu miegħu tbissima, tama u s-sens li ħadd mhu waħdu. Din it-tifkira tfakkarna fl-umanità li għandha tibqa’ fil-qalba tal-kura li nagħtu, u fil-kontribut prezzjuż tal-voluntiera li jkunu qrib il-pazjenti u l-familji tagħhom,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Ġorġ Agius, li kien mill-Birgu, miet fl-1 ta’ Marzu 2021, fl-età ta’ 94 sena, fir-residenza San Vinċenz de Paul.
Il-bust se joffri lill-pazjenti, lill-ħaddiema u lill-viżitaturi tal-Isptar Mater Dei l-opportunità li jiftakru f’Ġorġ u fl-eżempju li ħalla: li kull persuna tista’ tagħti sehemha biex ittaffi s-solitudni u t-tbatija tal-oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935