STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR L-ERA tniedi pubblikazzjoni kommemorattiva: Għaxar snin ta’ ħidma favur il-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ Malta
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, nediet il-pubblikazzjoni ‘Custodia Terrae: A Decade of Safeguarding Malta’s Natural Future’, fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha. Din il-pubblikazzjoni tfakkar dan it-tragward importanti u tagħti ħarsa lejn għaxar snin ta’ ħidma favur il-governanza ambjentali f’Malta.
Il-pubblikazzjoni tiġbor fiha kontribuzzjonijiet minn esperti tal-ERA u akkademiċi, u tagħti ħarsa lejn l-iżvilupp tal-Awtorità mit-twaqqif tagħha fl-2016. Il-pubblikazzjoni tħares ukoll lejn l-isfidi u l-opportunitajiet ambjentali li mistennija jsawru s-snin li ġejjin. It-tnax-il kapitlu jkopru diversi oqsma, fosthom il-politika u l-governanza ambjentali, il-ħarsien tal-ambjent marittimu u tal-kosta, it-teknoloġija ġeospazjali, l-involviment tal-pubbliku, ir-regolamentazzjoni u l-infurzar ambjentali, l-immaniġġjar tal-pajsaġġ u l-ippjanar ambjentali fit-tul.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli saħqet fuq l-irwol importanti tal-ERA fit-tisħiħ tal-ħarsien ambjentali f’Malta, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa ta’ impenn kontinwu, innovazzjoni u ħidma flimkien biex il-wirt naturali tal-pajjiż jibqa’ jiġi mħares għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-ERA kellha rwol importanti fit-tisħiħ tal-governanza ambjentali f’Malta u biex tiżgura li l-ħarsien tal-ambjent jibqa’ fil-qalba ta’ dak li nagħmlu. Din il-pubblikazzjoni tiġbor fiha l-għarfien, l-esperjenza u l-impenn miksuba matul dawn is-snin, filwaqt li tfakkarna li l-ħarsien tal-ambjent naturali tagħna huwa responsabbiltà kontinwa. Hekk kif inħarsu ’l quddiem, irridu nkomplu ninvestu f’ħarsien ambjentali aktar b’saħħtu, naddottaw soluzzjonijiet innovattivi u naħdmu flimkien biex inħarsu l-wirt naturali ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qalet il-Ministru Dalli.
Matul it-tnedija ġiet enfasizzata wkoll il-kollaborazzjoni bejn l-ERA u l-Università ta’ Malta. Prof. Simone Borg tat ħarsa lejn il-pubblikazzjoni u spjegat kif Custodia Terrae tgħaqqad flimkien l-esperjenza miksuba fil-prattika u l-għarfien akkademiku. Hija saħqet fuq kif il-governanza ambjentali tinvolvi diversi oqsma, fosthom ix-xjenza, il-liġi, il-politika u t-teknoloġija. Enfasizzat ukoll l-importanza li tiġi dokumentata l-esperjenza miksuba mill-istituzzjonijiet, biex din isservi ta’ bażi għal aktar studju, riċerka u żvilupp ta’ policies differenti. Hija spjegat li l-pubblikazzjoni għandha rilevanza li tmur lil hinn mill-għaxar anniversarju tal-ERA u tista’ sservi bħala referenza għal dawk li qed jistudjaw jew jaħdmu fil-qasam ambjentali.
Waqt l-attività, studenti mill-Fakultà tal-Liġi, mill-Fakultà tax-Xjenza u mill-Istitut tal-Earth Systems spjegaw l-oqsma ta’ studju tagħhom u kif dawn huma marbuta mal-ħidma u r-responsabbiltajiet tal-ERA. Il-kontribut tagħhom wera kif dixxiplini akkademiċi differenti jistgħu jgħinu fil-ħarsien u l-immaniġġjar tal-ambjent, filwaqt li ġew enfasizzati wkoll l-opportunitajiet li toffri l-ERA liż-żgħażagħ biex jagħtu sehem dirett f’dan il-qasam.
It-titlu Custodia Terrae, li jfisser il-ħarsien tal-art, jirrifletti messaġġ ewlieni li l-ħarsien tal-ambjent huwa responsabbiltà kontinwa ta’ kulħadd. It-tnedija ma kinitx biss okkażjoni biex jitfakkru l-ewwel għaxar snin tal-ERA, iżda wkoll opportunità ta’ riflessjoni lejn il-ħidma li saret u ħarsa lejn l-għaxar snin li ġejjin.
“Custodia Terrae tirrifletti l-ħidma li wettqet l-ERA matul l-ewwel għaxar snin tagħha, iżda tfakkarna wkoll li l-ħarsien tal-ambjent huwa responsabbiltà kontinwa. Hekk kif jinbidlu l-isfidi ambjentali, l-ERA trid tkompli tadatta għalihom u tibni fuq l-esperjenza miksuba matul dawn l-ewwel għaxar snin, biex tkompli tħares l-ambjent ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal iċ-Chairperson tal-ERA Vincent Cassar.
Il-Professur Saviour Formosa, il-moħħ wara din il-pubblikazzjoni, temm l-attività billi rringrazzja lill-awturi u lill-edituri għall-kontribut tagħhom. Huwa saħaq ukoll li “F’qasam dinamiku bħalma huwa dak tal-ambjent, huwa importanti li l-għarfien miksub permezz tax-xogħol u l-esperjenza jinqasam, sabiex dan ikun jista’ jgħaddi lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ esperti u lill-pubbliku inġenerali.”
Il-pubblikazzjoni tinstab hawn: https://era.org.mt/wp-content/uploads/2026/11/Custodia-Terrae-A-Decade-of-Safeguarding-Maltas-Natural-Future.pdf
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261934en