STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex
Qed isir investiment ta’ kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, permezz ta’ skemi tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li qed jappoġġjaw lill-Kunsilli Lokali fit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ ta’ dawn l-ispazji pubbliċi, li minnhom igawdu r-residenti u l-komunitajiet tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli u l-Assistent Direttur (Strategy & Policy Implementation) fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Simon Agius waqt żjara fil-bandli fiż-żona ta’ Fuq Verdala, f’Bormla, fejn għaddejjin xogħlijiet ta’ żvilupp li jinkludu l-installazzjoni ta’ apparat ġdid għar-rikreazzjoni.
Dan il-proġett, li qed jiġi ffinanzjat permezz ta’ skema tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, huwa wieħed mill-ħames proġetti li bħalissa jinsabu fi stadji differenti ta’ implimentazzjoni f’lokalitajiet differenti f’Malta u Għawdex.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex ikomplu jinvestu fi spazji pubbliċi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tar-residenti u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunitajiet tagħhom. “Permezz tal-iskemi tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, qed nagħtu lill-Kunsilli Lokali l-għodod u l-appoġġ finanzjarju biex iwettqu proġetti konkreti fil-lokalitajiet tagħhom, b’investiment li jissarraf fi spazji ta’ rikreazzjoni aktar attraenti u li jservu aħjar lill-familji u lir-residenti ta’ kull età.”
Hija sostniet li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali biex jissaħħu l-ispazji pubbliċi madwar Malta u Għawdex, filwaqt li jiġi żgurat li l-investiment jasal direttament fil-komunitajiet u jinbidel f’titjib tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Min-naħa tiegħu, l-Assistent Direttur fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Simon Agius spjega kif dawn l-iskemi jippermettu lill-Kunsilli Lokali jimplimentaw proġetti mfassla skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet tagħhom, filwaqt li jtejbu l-kwalità u l-funzjonalità tal-ispazji pubbliċi.
Matul l-2026, tlestew ħames proġetti li jinsabu fin-Nadur, Paola, Santa Venera, iż-Żejtun u s-Swieqi, li flimkien ikopru medda ta’ kważi 2000 metru kwadru u jirrappreżentaw investiment ta’ aktar minn €150,000 permezz ta’ skemi tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Dawn il-proġetti qed jikkontribwixxu għat-titjib tal-playing fields u l-ispazji ta’ rikreazzjoni.
Minbarra l-proġetti li tlestew, hemm ħames proġetti oħra f’Bormla, ix-Xagħra, Santa Luċija, il-Ħamrun u s-Siġġiewi li jinsabu fi stadji differenti ta’ implimentazzjoni, b’allokazzjoni kumplessiva ta’ aktar minn €325,000. Ix-xogħlijiet f’dawn il-lokalitajiet jinkludu l-iżvilupp u t-titjib ta’ playing fields, it-tisbiħ ta’ ġonna pubbliċi, tibdil tal-apparat u tas-safety flooring, kif ukoll ir-rinnovazzjoni ta’ żoni tal-open gym. Dawn il-proġetti se jkomplu jtejbu l-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni u l-użu tal-ispazji pubbliċi fil-lokalitajiet rispettivi.
Permezz ta’ dan l-investiment, il-Kunsilli Lokali qed ikunu jistgħu jkomplu jtejbu l-faċilitajiet fil-komunitajiet tagħhom u jsaħħu l-użu ta’ spazji komuni bħala postijiet ta’ rikreazzjoni, soċjalizzazzjoni u benesseri.
Ritratti: DOI/MIPE
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en