STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit Ewropew iqis ir-realtajiet tal-Istati Membri ż-żgħar
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, enfasizza l-importanza li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2028–2034 ikun ambizzjuż u kapaċi jindirizza l-isfidi ġeopolitiċi, ekonomiċi u strateġiċi li qed tiffaċċja l-Ewropa, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji ta’ solidarjetà, konverġenza u koeżjoni li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea.
Dan il-messaġġ wasslu waqt il-laqgħa tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-pajjiżi tal-V4+ Friends of Cohesion, li saret fil-Kastell ta’ Bratislava, fis-Slovakkja, fit-13 ta’ Novembru 2026.
Fl-intervent tiegħu, l-Ispeaker sostna li, filwaqt li l-investiment għall-Unjoni fil-kompetittività, fid-difiża, fis-sigurtà tal-enerġija u fir-reżiljenza Ewropea huwa meħtieġ, dawn il-prijoritajiet m’għandhomx isiru għad-detriment tal-Politika ta’ Koeżjoni u tal-Politika Agrikola Komuni. Dawn jibqgħu strumenti essenzjali għall-iżvilupp bilanċjat, il-konverġenza ekonomika u s-sigurtà tal-ikel madwar l-Unjoni.
Huwa rrimarka wkoll li s-sigurtà Ewropea m’għandhiex titqies biss mill-aspett militari. Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-djalogu u d-diplomazija għandhom ikollhom rwol daqstant importanti sabiex jiġu indirizzati t-tensjonijiet, tiġi evitata l-eskalazzjoni u tinkiseb paċi dejjiema. F’dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà partikolari li tippromwovi soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim internazzjonali, tappoġġja l-medjazzjoni u ssaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali.
Dwar l-importanza tal-Politika ta’ Koeżjoni għal Malta, l-Ispeaker innota li din kienet strument ewlieni fl-appoġġ għall-investiment, il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż. Madankollu, huwa saħaq li l-Istati Membri ma jiffaċċjawx l-istess ċirkostanzi u li l-isfidi strutturali partikolari ta’ pajjiżi gżejjer żgħar, bħalma huma l-insularità, l-art limitata, l-ispejjeż tal-konnettività u d-dipendenza fuq fatturi esterni, għandhom jitqiesu b’mod adegwat fit-tqassim u fl-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej.
Skont l-Ispeaker Abela, sistema ġusta ta’ allokazzjoni tar-riżorsi ma tistax tiddependi biss fuq indikaturi ekonomiċi ġenerali, iżda għandha tqis ukoll il-vulnerabbiltajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.
Għaldaqstant, Malta tappoġġja baġit Ewropew b’riżorsi suffiċjenti li jiggarantixxi finanzjament adegwat u prevedibbli għall-koeżjoni u l-agrikoltura, filwaqt li jippermetti lill-Unjoni tindirizza prijoritajiet ġodda. Dawn l-objettivi għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u mhux jikkompetu għal riżorsi dejjem aktar limitati.
Dwar il-finanzjament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, l-Ispeaker sostna li l-piż finanzjarju għandu jitqassam b’mod ġust u sostenibbli bejn l-Istati Membri. Huwa rrimarka li kwalunkwe diskussjoni dwar żieda fil-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit Ewropew għandha tkun akkumpanjata minn eżami serju tan-nefqa amministrattiva, aktar dixxiplina baġitarja u impenn ċar lejn l-effiċjenza.
Fl-aħħar nett, l-Ispeaker enfasizza l-irwol importanti li għandhom il-parlamenti nazzjonali f’dan il-proċess. Bħala rappreżentanti taċ-ċittadini, il-parlamenti għandhom ir-responsabbiltà li jissorveljaw il-pożizzjonijiet ta’ negozjar tal-gvernijiet rispettivi, jeżaminaw l-implikazzjonijiet tal-għażliet baġitarji proposti u jrawmu dibattitu demokratiku infurmat dwar id-direzzjoni futura tal-Unjoni Ewropea.
Huwa ddeskriva l-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-V4+ Friends of Cohesion bħala opportunità importanti għall-iskambju ta’ fehmiet, għall-identifikazzjoni ta’ tħassib komuni u għat-tisħiħ tal-kontribut parlamentari fin-negozjati dwar il-baġit Ewropew li jmiss.
Fl-aħħar nett tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem b’mod kostruttiv mas-sħab Ewropej tagħha sabiex jintlaħaq ftehim f’waqtu, ambizzjuż u bilanċjat dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028–2034. Ftehim li, filwaqt li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-prijoritajiet il-ġodda tal-Ewropa, jissalvagwardja l-koeżjoni, l-agrikoltura u, fuq kollox, il-prinċipju ta’ solidarjetà li jibqa’ fil-qalba tal-proġett Ewropew.
Other Press Releases:
PR261925EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261925