STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Se jitfassal dokument ta’ drittijiet u responsabbiltajiet għal kull min jidħol f’kuntratt ta’ kirja wara l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Buyers’ Charter
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar li se jinħadem dokument li jipprovdi aktar informazzjoni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ dawk li jkunu parti f’kuntratt ta’ kera, apparti l-Buyers’ Charter li diġà qiegħed jitħejja. Dan tħabbar waqt laqgħa organizzata mill-Awtorità tad-Djar mal-professjonisti fis-settur tal-proprjetà.
Din l-inizjattiva ġdida qed titressaq wara l-konsultazzjoni pubblika li saret dwar il-Buyers’ Charter, li permezz tagħha waslu 33 sottomissjoni. Mill-kontribut miġbur ħarġet il-ħtieġa li, minbarra dawk li qed jixtru proprjetà, tingħata aktar attenzjoni wkoll lil dawk li jgħixu f’post mikri u li għandhom bżonn aktar informazzjoni, ċarezza u serħan il-moħħ dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Il-Ministru Bonnici spjega li ż-żewġ inizjattivi huma parti minn impenn usa’ tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza, iċ-ċertezza u l-fiduċja fis-settur tal-proprjetà, filwaqt li l-persuna tibqa’ fiċ-ċentru tal-politika dwar l-akkomodazzjoni.
“Għal ħafna persuni u familji, ix-xiri ta’ proprjetà huwa wieħed mill-aktar passi importanti f’ħajjithom. Iżda l-istess importanza għandha tingħata lil dawk li jgħixu f’post mikri. Irridu li kemm ix-xerrejja kif ukoll il-kerrejja jkunu jafu aħjar x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkollhom quddiemhom direzzjoni ċara dwar x’għandhom jistennew,” qal il-ministru.
Il-Buyers’ Charter kienet waħda mill-inizjattivi li ngħataw prijorità sa mill-ewwel 100 jum tal-Gvern. L-għan tagħha huwa li x-xerrejja jkollhom aktar għarfien dwar il-proċess tax-xiri ta’ proprjetà, id-drittijiet tagħhom u r-responsabbiltajiet li jidħlu għalihom.
Il-Ministru Bonnici saħaq li inizjattivi bħal dawn ma jistgħux jitfasslu mingħajr djalogu u konsultazzjoni ma’ dawk involuti fis-settur. Għalhekk, il-kontribut tal-professjonisti huwa essenzjali biex id-dokumenti jkunu mhux biss jirriflettu l-ħtiġijiet reali tan-nies, iżda jkunu wkoll prattiċi u effettivi fl-applikazzjoni tagħhom.
Huwa rrikonoxxa r-rwol importanti li għandhom in-nutara, ir-rappreżentanti tal-banek, l-aġenti tal-proprjetà, l-iżviluppaturi u professjonisti oħra li ta’ kuljum jakkumpanjaw persuni u familji fil-proċessi tax-xiri u l-kiri tal-proprjetà.
Il-Ministru Bonnici temm billi saħaq li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-Awtorità tad-Djar u l-professjonisti hija kruċjali sabiex jinħoloq settur tal-proprjetà aktar trasparenti u effiċjenti, fejn ix-xerrejja u l-kerrejja jkunu aktar infurmati, protetti u kunfidenti fid-deċiżjonijiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922