STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ ’Il fuq minn 6,000 persuna rċevew l-għajnuna tal-Victim Support Agency fl-ewwel ħames snin mit-twaqqif tagħha
Aktar minn 6,000 persuna rċevew is-servizzi tal-Victim Support Agency (VSA) fl-ewwel ħames snin mit-twaqqif tagħha, aġenzija li toffri appoġġ, gwida u protezzjoni lil persuni li jkunu sfaw vittmi ta’ reat.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, waqt il-Konferenza Annwali tal-Victim Support Agency, li din is-sena qed tfakkar il-ħames anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Il-ministru qal li dawn l-ewwel ħames snin jirriflettu impenn mibni fuq prinċipju fundamentali: li kull vittma għandha d-dritt li tinstema’, tkun protetta u tingħata l-għajnuna meħtieġa.
“Ma nħarsux lejn il-vittma sempliċiment bħala xhud fi proċess. Inħarsu lejha bħala persuna bid-drittijiet, il-ħtiġijiet u d-dinjità tagħha. Kull waħda minn dawn is-6,000 persuna għandha storja u f’mument diffiċli sabet min jismagħha, jiggwidaha u jagħtiha l-għajnuna meħtieġa,” qal il-Ministru.
Huwa spjega li l-ħidma tal-Aġenzija, minkejja li mhux dejjem tidher fil-pubbliku, għandha impatt dirett fil-ħajja ta’ persuni li jkunu għaddejjin minn esperjenzi diffiċli u trawmatiċi.
F’dan il-kuntest, il-ministru rrefera wkoll għall-importanza tas-servizz tal-panic alarm, li matul l-2025 intuża minn 84 persuna, filwaqt li sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena kien diġà ntuża minn 125 persuna. Huwa qal li dawn iċ-ċifri juru kemm huwa importanti li jkun hemm għodod konkreti li joffru protezzjoni lill-vittmi fil-mumenti meta jkollhom l-aktar bżonnha.
Il-ministru saħaq ukoll li l-protezzjoni tal-vittmi ma tistax tibda biss wara li jitwettaq reat, iżda għandha tkun marbuta direttament mal-prevenzjoni tal-kriminalità. “Għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex nipprevjenu r-reati milli jseħħu. Għax kull reat li jirnexxielna nipprevjenu jfisser persuna inqas li tispiċċa vittma, familja inqas li tgħaddi minn trawma u komunità inqas li jkollha ġġorr il-konsegwenzi tal-kriminalità.”
Huwa sostna li l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-appoġġ lill-vittmi huma żewġ aspetti marbutin flimkien u li għalhekk hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni bejn il-pulizija, il-qrati, is-servizzi soċjali, il-professjonisti tas-saħħa, l-entitajiet governattivi u s-soċjetà ċivili.
Fost l-għanijiet ewlenin hemm it-tisħiħ ta’ sistema ta’ riferiment komuni, sabiex il-vittmi jkunu ggwidati lejn is-servizz li jeħtieġu mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrakkontaw l-esperjenza trawmatika tagħhom għal darba wara l-oħra. Dan bil-għan li titnaqqas il-vittimizzazzjoni sekondarja u jiġi evitat li l-proċess biex persuna tingħata l-għajnuna joħloq tbatija addizzjonali.
Il-ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’servizzi aċċessibbli u bla ħlas, isaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u jiżgura li kull min ikollu bżonn l-għajnuna jkun jista’ jsibha.
Huwa temm billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Victim Support Agency, lill-professjonisti u lill-entitajiet u l-għaqdiet li jaħdmu f’dan il-qasam, u rrikonoxxa d-dedikazzjoni tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922