STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Villa Lauri, dar ’il bogħod mid-dar għall-Għawdxin li jirċievu kura medika f’Malta u għall-qrabathom
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura Villa Lauri f’Birkirkara, li issa fetħet il-bibien tagħha sabiex toffri akkomodazzjoni u appoġġ lir-residenti Għawdxin li jkollhom jivvjaġġaw lejn Malta biex jirċievu kura medika, kif ukoll lill-qraba tagħhom.
Villa Lauri hija proġett b’għan soċjali li ġie mfassal biex ikun dar ’il bogħod mid-dar, u jipprovdi ambjent komdu u dinjituż lill-pazjenti u lill-familji tagħhom f’mumenti diffiċli. Il-faċilità, mifruxa fuq erba’ livelli, tinkludi 23 kamra u 33 sodda, mgħammra bil-kumditajiet meħtieġa, fosthom kitchenette u kamra tal-banju ensuite.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Għalina, il-kura tas-saħħa ma tieqafx mal-provvista tas-servizzi mediċi. Nifhmu li għal ħafna Għawdxin, li jkollhom jivvjaġġaw lejn Malta għall-kura tfisser sfida ikbar, kemm għalihom kif ukoll għall-familji tagħhom. Għalhekk, permezz ta’ Villa Lauri, qed noffru aktar minn sempliċi post fejn wieħed joqgħod. Qed noffru wens, serħan il-moħħ u ambjent li fih il-pazjenti u l-għeżież tagħhom jistgħu jħossuhom milqugħa u protetti.”
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru spjega li Villa Lauri se tilqa’ pazjenti li jkollhom bżonn kura fl-Isptar Mater Dei jew fi sptarijiet oħra f’Malta, flimkien mal-persuni li jakkumpanjawhom. Huwa żied jgħid li fil-każ ta’ tfal, iż-żewġ ġenituri jistgħu joqogħdu magħhom, filwaqt li anzjani u persuni b’diżabilità jistgħu jkunu akkumpanjati minn żewġ persuni.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li, “L-għan huwa li, f’dan il-mument diffiċli fil-ħajja, inkunu nistgħu kemm jista’ jkun intaffu dan l-impatt u noffru saqaf fuq ras il-pazjent u qrabatu. B’hekk, inkunu qed nagħmlu dan il-perjodu kemm jista’ jkun aktar faċli għalihom. Nemmen li dan huwa proġett li se jħalli tant u tant ġid fis-soċjetà tagħna.”
Mis-servizz ta’ Villa Lauri jistgħu jibbenefikaw residenti Għawdxin li jkunu qed jirċievu kura medika f’Malta u li jkollhom appuntamenti qabel l-10:00a.m., jew li jkollhom bżonn joqogħdu matul il-lejl minħabba l-appuntament tagħhom. Jistgħu jibbenefikaw ukoll membri immedjati tal-familja li jkunu eliġibbli biex jakkumpanjaw lill-pazjenti.
L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn gozo.gov.mt, mygozo.gov.mt jew permezz tal-MyGozo app. F’każ ta’ dħul ta’ emerġenza fl-isptar, wieħed jista’ jċempel fuq 21560007.
L-applikanti jridu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti tal-eliġibbiltà u jipprovdu d-dokumentazzjoni meħtieġa mill-isptar.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li Villa Lauri hija xhieda tal-impenn tal-Ministeru li jkompli jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, billi joffri mhux biss servizzi iżda wkoll sostenn u attenzjoni lill-pazjenti u lill-familji tagħhom.
Other Press Releases:
PR261904
PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese Parliamentary Delega...
PR261903en