Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jipparteċipa fil-Paris Peace Forum u jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali u tat-tisħiħ tad-demokrazija u s-sigurtà permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali

PR261894
Date Icon 11/11/2026

 

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, ipparteċipa fil-Paris Peace Forum 2026, li sar f’Pariġi fl-10 ta’ Novembru 2026, fejn ħa sehem f’żewġ diskussjonijiet li indirizzaw sfidi fundamentali għas-soċjetajiet tal-lum: is-sigurtà tat-tfal fl-ambjent diġitali u l-bilanċ bejn is-sigurtà nazzjonali, id-demokrazija u l-protezzjoni tal-ftehimiet kollettivi.

 

Fl-ewwel sessjoni, “Too Young to Scroll? Making the Digital World Safe by Design”, l-Ispeaker enfasizza li t-tfal għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li toffri t-teknoloġija mingħajr ma jkunu esposti għal riskji li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà, is-saħħa mentali u l-iżvilupp tagħhom.

 

Huwa semma fost l-isfidi ewlenin is-cyberbullying, l-esponiment għal kontenut dannuż, l-isfruttament onlajn, il-ħin eċċessiv quddiem l-iskrins u l-pressjonijiet marbuta mal-midja soċjali. Sostna li t-tfulija m’għandhiex tkun issagrifikata għall-interessi kummerċjali tal-pjattaformi diġitali.

 

Waqt li rrefera minn studji li saru f’Malta dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-midja soċjali mit-tfal, Abela enfasizza dwar l-isfidi prattiċi marbuta mal-verifika tal-età, il-privatezza u l-possibbiltà li t-tfal jevitaw ir-restrizzjonijiet imposti.

 

L-Ispeaker saħaq li l-protezzjoni tat-tfal onlajn ma tistax tiddependi biss fuq leġiżlazzjoni jew restrizzjonijiet. Jeħtieġ approċċ komprensiv li jinvolvi lill-gvernijiet, lill-ġenituri, lill-edukaturi u, b’mod partikolari, lill-kumpaniji tat-teknoloġija.

 

Fit-tieni impenn tiegħu, l-Ispeaker fetaħ ir-roundtable intitolata “Defending Without Dividing: Parliaments Between Security and Social Contracts”, li ffukat fuq ir-responsabbiltà tal-parlamenti li jsibu bilanċ bejn il-ħtiġijiet tas-sigurtà u dawk soċjali, f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi, kompetizzjoni strateġika u bidliet teknoloġiċi mgħaġġla.

 

Fl-intervent tiegħu, l-Ispeaker saħaq li s-sigurtà ma tistax titkejjel biss f’termini militari. Filwaqt li kapaċitajiet ta’ difiża kredibbli huma essenzjali għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi, is-sigurtà fit-tul tiddependi wkoll minn istituzzjonijiet reżiljenti, koeżjoni soċjali, stabbiltà ekonomika u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom.

 

L-Ispeaker irrimarka wkoll li s-sigurtà u l-investiment soċjali m’għandhomx jitqiesu bħala prijoritajiet li jikkompetu ma’ xulxin. Għall-kuntrarju, servizzi pubbliċi ta’ kwalità, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, flimkien ma’ finanzi pubbliċi responsabbli u politiki effettivi ta’ sigurtà, huma elementi li jsaħħu lil xulxin u jikkontribwixxu għall-bini ta’ soċjetajiet aktar reżiljenti.

Fid-diskors tiegħu, Abela enfasizza wkoll l-importanza tad-diplomazija, tad-djalogu u tal-multilateraliżmu bħala strumenti indispensabbli għall-prevenzjoni tal-kunflitti u ż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà internazzjonali. Sostna li l-kapaċitajiet ta’ difiża u t-tħejjija nazzjonali għandhom jimxu id f’id ma’ sforzi diplomatiċi u inizjattivi paċifiċi permezz ta’ istituzzjonijiet u mekkaniżmi internazzjonali.

 

B’referenza għall-pożizzjoni ta’ Malta, huwa qal li s-sigurtà tal-pajjiż hija marbuta mill-qrib mal-kooperazzjoni internazzjonali, ir-rispett lejn id-dritt internazzjonali, il-multilateraliżmu effettiv u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim. F’dan il-kuntest, enfasizza r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari fil-bini tal-fiduċja, it-tisħiħ tad-djalogu u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn pajjiżi u bejn fehmiet politiċi differenti.

 

Huwa wissa wkoll dwar l-implikazzjonijiet tat-teknoloġiji emerġenti, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, it-theddid ibridu u r-rwol dejjem jikber ta’ atturi mhux statali fil-qasam tas-sigurtà. Sostna li r-rispons għal dawn l-isfidi għandu jkun effettiv u jħares ’il quddiem, iżda dejjem mibni fuq il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali.

 

Fl-għeluq tal-intervent tiegħu, l-Ispeaker saħaq li l-isfida mhijiex biss li niddefendu lil pajjiżna, iżda li niżguraw li l-mod kif nagħmlu dan isaħħaħ, u mhux idgħajjef, il-valuri demokratiċi u r-rabtiet soċjali li jagħtu leġittimità lill-istituzzjonijiet tagħna.

 

Iż-żewġ interventi tal-Ispeaker fil-Paris Peace Forum 2026 tennew il-ħtieġa ta’ responsabbiltà kondiviża, kooperazzjoni internazzjonali u tmexxija bbażata fuq il-valuri umani u demokratiċi. Kemm fil-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali kif ukoll fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà tas-soċjetajiet, il-messaġġ ewlieni kien li l-progress teknoloġiku u s-sigurtà għandhom dejjem ikunu ta’ servizz għall-bniedem, filwaqt li jiġu mħarsa d-dinjità, id-drittijiet u l-benesseri ta’ kulħadd.

 

Filgħaxija, l-Ispeaker Abela kien fost il-mistiedna distinti li attendew għall-ikla uffiċjali organizzata mill-President tar-Repubblika Franċiża, Emmanuel Macron.

 

Ritratti (SPK)

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jipparteċipa fil-Paris Peace Forum u jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali u tat-tisħiħ tad-demokrazija u s-sigurtà permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jipparteċipa fil-Paris Peace Forum u jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali u tat-tisħiħ tad-demokrazija u s-sigurtà permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker participates in the Paris Peace Forum, highlighting the importance of protecting children in the digital world and strengthening democracy and security through international cooperation

PR261894en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker participates in the ...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Winners of the second edition of the Sustainable Development Action Awards announced

PR261893en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow