STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U SPORT Professjonist mediku għal studenti b’kundizzjoni medika jew diżabbiltà fiżika li m’għandhomx diffikultà fit-tagħlim
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, ħabbar li, wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, studenti b’kundizzjoni medika jew diżabbiltà fiżika li m’għandhomx diffikultà fit-tagħlim ser jibdew jingħataw l-opportunità li jkunu assistiti minn professjonist mediku, waqt il-ħin tal-iskola, li jkun irċieva taħriġ speċjalizzat.
Dan filwaqt li Learning Support Educators (LSEs) ikunu jistgħu jiffukaw aktar fuq l-irwol primarju tagħhom u studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim. Dan se jsir f’dawk il-każijiet fejn dan ikun ta’ aktar benefiċċju għall-istudent li jkun assistit jew tkun assistita minn professjonist mediku minflok LSE.
“Jeħtieġ naraw li r-riżorsa tal-LSEs tkun użata bl-aqwa mod, filwaqt li nagħtu r-riżorsi u l-assistenza li għandhom bżonn l-istudenti. Nimxu aktar lejn ‘needs based approach’,” qal il-Ministru Camilleri.
Sal-lum, diffikultajiet jew bżonnijiet differenti ħafna jitqiegħdu kollha fl-istess basket u jiġu ttrattati bl-istess soluzzjoni. Hemm studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim. Hemm oħrajn li għandhom diffikultajiet ta’ natura medika bħal dijabete jew allerġija, jew diżabbiltà fiżika. Preżentament, persuni bi bżonnijiet mediċi huma assistiti permezz ta’ LSE.
“Il-mistoqsija li rridu nagħmlu hija: f’każijiet li huma mediċi biss, min jista’ jaqdi l-irwol l-aħjar favur it-tfal u l-istudenti? Learning Support Educator (LSE) jew professjonist mediku?” staqsa l-Ministru Camilleri.
Dak li qed ikun propost huwa hekk kif ġej:
- Skont il-bżonn tal-istudent: fejn ikun ta’ aktar benefiċċju għall-istudent li jkollu l-assistenza ta’ professjonist mediku, jingħata dan is-servizz. Fejn ikun ta’ aktar benefiċċju għall-istudent li jkollu l-assistenza ta’ LSE, jingħata l-assistenza ta’ LSE.
- Studenti ġodda: il-bidla tapplika għall-istudenti li l-bżonnijiet tagħhom jiġu identifikati minn issa ‘l quddiem.
- Studenti li diġà għandhom servizz ta’ LSE: mhu se jinbidel xejn mil-lum għall-għada. Però familji li jħossu li wliedhom jistgħu jirċievu servizz aktar speċjalizzat għall-bżonnijiet tagħhom minn professjonist mediku ser jingħataw l-opportunità li jagħżlu li jagħmlu talba għal din il-bidla.
- Standards għoljin: il-professjonisti mediċi se jkunu ingaġġati b’rekwiżiti serji u mfassla apposta għas-settur edukattiv, u se jingħataw ukoll it-taħriġ neċessarju biex is-servizz tagħhom ikun speċjalizzat għall-ambjent tal-iskola.
B’dan il-mod, l-istudenti jkunu moqdija aħjar. L-LSEs ikunu jistgħu jiffukaw aktar fuq l-irwol primarju tagħhom bħala edukaturi. L-iskejjel ukoll igawdu minn aktar professjonisti mediċi fl-iskola, li jistgħu joffru assistenza lil kulħadd f’każ ta’ bżonn sakemm tasal aktar għajnuna.
L-ingaġġ tal-LSEs ikompli
Il-Ministru saħaq li din it-tħabbira ma tnaqqas xejn mill-ingaġġ tal-LSEs. Ir-reklutaġġ huwa proċess kontinwu: il-Gvern jingaġġa kemm hemm bżonn LSEs, sakemm ikun hemm kandidati idonji li japplikaw u jintgħażlu. Il-Gvern tejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tagħhom. Dan hekk kif illum is-settur jimpjega l-akbar ammont ta’ LSEs fl-istorja.
Peress li s-suġġett huwa wieħed sensittiv għal ħafna familji, il-Ministru appella biex l-informazzjoni dwar din il-bidla tiġi rrappurtata b’mod preċiż u dettaljat, ħalli l-ġenituri ma jitħassbux bla bżonn.
“Dan ifisser li qegħdin nieħdu deċiżjoni b’dak li jeħtieġu l-istudenti tagħna fiċ-ċentru, għaliex huwa b’dan il-mod li nagħtu l-aqwa sostenn lit-tfal tagħna fil-klassi,” ikkonkluda l-Ministru Camilleri.
Din it-tħabbira hija parti mid-diskors tal-Ministru Camilleri fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport. Spjega aktar dettaljata ser tingħata fil-Parlament mill-Ministru Camilleri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261892en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EDUCATION AND SPORT Medical professional...
PR261891en