Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U SPORT Professjonist mediku għal studenti b’kundizzjoni medika jew diżabbiltà fiżika li m’għandhomx diffikultà fit-tagħlim

PR261892
Date Icon 11/11/2026

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, ħabbar li, wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, studenti b’kundizzjoni medika jew diżabbiltà fiżika li m’għandhomx diffikultà fit-tagħlim ser jibdew jingħataw l-opportunità li jkunu assistiti minn professjonist mediku, waqt il-ħin tal-iskola, li jkun irċieva taħriġ speċjalizzat.

 

Dan filwaqt li Learning Support Educators (LSEs) ikunu jistgħu jiffukaw aktar fuq l-irwol primarju tagħhom u studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim. Dan se jsir f’dawk il-każijiet fejn dan ikun ta’ aktar benefiċċju għall-istudent li jkun assistit jew tkun assistita minn professjonist mediku minflok LSE.

 

“Jeħtieġ naraw li r-riżorsa tal-LSEs tkun użata bl-aqwa mod, filwaqt li nagħtu r-riżorsi u l-assistenza li għandhom bżonn l-istudenti. Nimxu aktar lejn ‘needs based approach’,” qal il-Ministru Camilleri.

 

Sal-lum, diffikultajiet jew bżonnijiet differenti ħafna jitqiegħdu kollha fl-istess basket u jiġu ttrattati bl-istess soluzzjoni. Hemm studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim. Hemm oħrajn li għandhom diffikultajiet ta’ natura medika bħal dijabete jew allerġija, jew diżabbiltà fiżika. Preżentament, persuni bi bżonnijiet mediċi huma assistiti permezz ta’ LSE.

 

“Il-mistoqsija li rridu nagħmlu hija: f’każijiet li huma mediċi biss, min jista’ jaqdi l-irwol l-aħjar favur it-tfal u l-istudenti? Learning Support Educator (LSE) jew professjonist mediku?” staqsa l-Ministru Camilleri.

 

Dak li qed ikun propost huwa hekk kif ġej:

 

  • Skont il-bżonn tal-istudent: fejn ikun ta’ aktar benefiċċju għall-istudent li jkollu l-assistenza ta’ professjonist mediku, jingħata dan is-servizz. Fejn ikun ta’ aktar benefiċċju għall-istudent li jkollu l-assistenza ta’ LSE, jingħata l-assistenza ta’ LSE.

 

  • Studenti ġodda: il-bidla tapplika għall-istudenti li l-bżonnijiet tagħhom jiġu identifikati minn issa ‘l quddiem.

  

  • Studenti li diġà għandhom servizz ta’ LSE: mhu se jinbidel xejn mil-lum għall-għada. Però familji li jħossu li wliedhom jistgħu jirċievu servizz aktar speċjalizzat għall-bżonnijiet tagħhom minn professjonist mediku ser jingħataw l-opportunità li jagħżlu li jagħmlu talba għal din il-bidla.

 

  • Standards għoljin: il-professjonisti mediċi se jkunu ingaġġati b’rekwiżiti serji u mfassla apposta għas-settur edukattiv, u se jingħataw ukoll it-taħriġ neċessarju biex is-servizz tagħhom ikun speċjalizzat għall-ambjent tal-iskola.

 

B’dan il-mod, l-istudenti jkunu moqdija aħjar. L-LSEs ikunu jistgħu jiffukaw aktar fuq l-irwol primarju tagħhom bħala edukaturi. L-iskejjel ukoll igawdu minn aktar professjonisti mediċi fl-iskola, li jistgħu joffru assistenza lil kulħadd f’każ ta’ bżonn sakemm tasal aktar għajnuna.

 

L-ingaġġ tal-LSEs ikompli

 

Il-Ministru saħaq li din it-tħabbira ma tnaqqas xejn mill-ingaġġ tal-LSEs. Ir-reklutaġġ huwa proċess kontinwu: il-Gvern jingaġġa kemm hemm bżonn LSEs, sakemm ikun hemm kandidati idonji li japplikaw u jintgħażlu. Il-Gvern tejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tagħhom. Dan hekk kif illum is-settur jimpjega l-akbar ammont ta’ LSEs fl-istorja.

 

Peress li s-suġġett huwa wieħed sensittiv għal ħafna familji, il-Ministru appella biex l-informazzjoni dwar din il-bidla tiġi rrappurtata b’mod preċiż u dettaljat, ħalli l-ġenituri ma jitħassbux bla bżonn.

 

“Dan ifisser li qegħdin nieħdu deċiżjoni b’dak li jeħtieġu l-istudenti tagħna fiċ-ċentru, għaliex huwa b’dan il-mod li nagħtu l-aqwa sostenn lit-tfal tagħna fil-klassi,” ikkonkluda l-Ministru Camilleri.

 

Din it-tħabbira hija parti mid-diskors tal-Ministru Camilleri fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport. Spjega aktar dettaljata ser tingħata fil-Parlament mill-Ministru Camilleri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EDUCATION AND SPORT  Medical professional support for students with a medical condition or physical disability who do not have learning difficulties

PR261892en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EDUCATION AND SPORT Medical professional...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow