STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Malta Miegħek: Malta Sport Hub – appoġġ ġdid għall-atleti u l-isport minn età żgħira fost il-prijoritajiet tal-Gvern għall-2027
• Il-Ministru Byron Camilleri jħabbar inizjattivi ġodda biex jissaħħu l-assoċjazzjonijiet sportivi, il-benesseri tal-atleti u l-investiment fl-infrastruttura sportiva
It-twaqqif tal-Malta Sport Hub, programm ġdid għall-benesseri mentali tal-atleti, għaxart ijiem leave għall-atleti elite li jirrappreżentaw lil Malta u proġett pilota biex l-edukazzjoni fiżika strutturata tibda mill-kindergarten huma fost l-inizjattivi ewlenin imħabbra mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Budget 2027, taħt it-tema Malta Miegħek.
Dawn il-miżuri jagħmlu parti minn pjan usa’ biex l-isport ikun aktar aċċessibbli, ekosistema sportiva aktar b’saħħitha, jissaħħu l-assoċjazzjonijiet sportivi, jiġu żviluppati aktar talenti u jkompli l-investiment f’faċilitajiet moderni.
“Malta Miegħek tfisser li nkunu ma’ kull min irid jagħmel l-isport parti minn ħajtu, mal-assoċjazzjonijiet u l-voluntiera li jaħdmu b’passjoni, u mal-atleti li jaspiraw li jirrappreżentaw lil pajjiżna. Irridu ninvestu mhux biss fil-faċilitajiet, iżda wkoll fin-nies li jagħtu l-ħajja lill-isport Malti. L-aspirazzjonijiet tagħhom huma wkoll tagħna, u se nkomplu naħdmu flimkien biex insarrfuhom f’opportunitajiet konkreti,” qal il-Ministru Camilleri.
Permezz tal-Malta Sport Hub, assoċjazzjonijiet sportivi li m’għandhomx sede permanenti se jkollhom spazju ddedikat minn fejn joperaw. Il-kumpless se jilqa’ wkoll organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-atleti u l-kowċis, u joffri spazji għal-laqgħat, żoni għall-attivitajiet sportivi u servizzi minn SportMalta, filwaqt li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni fis-settur.
Prijorità oħra hija l-iżvilupp ta’ kultura sportiva sa mill-ewwel snin tal-edukazzjoni. Proġett pilota fi tliet skejjel fi tliet kulleġġi se jintroduċi attivitajiet strutturati ta’ edukazzjoni fiżika fil-kindergarten, biex it-tfal jiżviluppaw il-ħiliet motorji, il-koordinazzjoni u l-kunfidenza tagħhom. L-għan huwa li jissaħħaħ il-litteriżmu fiżiku u titrawwem il-motivazzjoni biex it-tfal jibqgħu attivi tul ħajjithom, filwaqt li l-inizjattiva tibni fuq il-proġett pilota li jgħin lit-tfal żgħar jitgħallmu jgħumu.
L-appoġġ lill-atleti se jissaħħaħ ukoll permezz tal-CARE Scheme, li se tipprovdi għajnuna finanzjarja għal servizzi psikoloġiċi, ta’ counselling u ta’ benesseri lil atleti li jsofru korrimenti fit-tul jew li jtemmu l-karriera sportiva tagħhom. Din l-inizjattiva tirrikonoxxi l-importanza tal-irkupru psikoloġiku u emozzjonali, minbarra dak fiżiku. Fl-istess waqt, il-miżura ta’ għaxart ijiem leave għall-atleti elite li jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali tinkludi wkoll lill-persunal tekniku u amministrattiv.
L-investiment fl-infrastruttura sportiva se jkompli f’diversi dixxiplini. Fil-basketball, qed jiġi konkluż it-trasferiment ta’ art lill-Malta Basketball Association biex jinbena padiljun ġdid f’Ta’ Qali, filwaqt li se jitlesta l-proġett tal-arja kundizzjonata fil-padiljuni eżistenti. Fl-atletika, qed isir titjib fir-running track tal-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa, filwaqt li fl-2027 huwa ppjanat it-tisqif tal-istand prinċipali, l-installazzjoni ta’ postijiet ġodda bilqiegħda u t-tħejjijiet għat-tisqif tal-warm-up track.
Fl-ibburdjar, il-Gvern se jappoġġja l-inizjattiva tal-Malta Sailing Federation biex 60 opra tal-baħar ikunu disponibbli għall-klabbs, b’enfasi fuq l-iżvilupp tat-talent minn età żgħira. Binja dilapidata f’Manoel Island se tiġi rriġenerata sabiex tintuża għall-prattika ta’ dan l-isport. Din hija miżura tal-programm elettorali tal-Gvern u parti mir-riġenerazzjoni usa’ ppjanata għal Manoel Island.
Fil-qasam tal-isport akwatiku, se jkompli x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u t-tħejjijiet għat-tisqif tal-istands, filwaqt li l-faċilità ta’ Marsamxett se tilqa’ dixxiplini bħall-waterpolo u l-għawm artistiku. Fil-motorsport, l-ewwel fażi tal-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far, miexi ġmielu.
Fil-futbol, se jkompli l-appoġġ għall-ħidma preparatorja tal-ground il-ġdid tal-Malta Premier League. Se jsir ukoll aktar titjib fil-Padiljun Sportiv tal-Kottonera, fosthom l-installazzjoni tal-arja kundizzjonata, u fil-Padiljun Sportiv ta’ Ħal Kirkop, flimkien ma’ xogħol fuq il-wiċċ tal-ground tal-Kulleġġ San Benedittu.
Se jkompli wkoll l-appoġġ għar-rugby, filwaqt li fir-regatta se jitwaqqaf fond biex jgħin lill-klabbs jirrestawraw jew jibnu dgħajjes ġodda tal-pass. Fil-boċċi, il-klabbs se jingħataw sett boċċi, bħala parti mill-ħidma biex jissaħħu l-isports tradizzjonali.
Jissoktaw ukoll it-tħejjijiet biex Malta tospita l-Commonwealth Youth Games fl-2027 u kompetizzjonijiet internazzjonali oħra.
Fil-qasam tal-isport inklussiv, qed jitfassal pjan għal binja ddedikata lil Special Olympics Malta, li minnha jkunu jistgħu jingħataw servizzi relatati mas-saħħa u l-benesseri tal-atleti. Ġie kkonfermat ukoll investiment ta’ €250,000 mal-moviment Paralimpiku għall-akkwist ta’ tagħmir sportiv għat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet.
Tħabbret ukoll skema ta’ għajnuna sa €20,000 għall-assoċjazzjonijiet sportivi, li tkopri sa 50% tas-salarju ta’ amministratur, filwaqt li se tkompli l-iskema ta’ sitt xhur gym b’xejn għaż-żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena. SportMalta, flimkien mal-kunsilli lokali, se torganizza wkoll klassijiet ta’ attività fiżika għall-anzjani, li se jkunu jistgħu jagħmlu użu b’xejn mill-faċilitajiet ta’ SportMalta, inklużi l-pixxini.
Il-Ministru Camilleri temm billi saħaq li dawn l-inizjattivi jirriflettu l-impenn tal-Gvern li jkompli jkabbar il-parteċipazzjoni fl-isport, isaħħaħ l-assoċjazzjonijiet u jagħti lill-atleti l-appoġġ meħtieġ biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891