Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-dimensja

PR261881
Date Icon 09/11/2026

Kollaborazzjoni biex jiżdied l-għarfien, titnaqqas l-istigma u jissaħħaħ l-appoġġ lill-persuni li jgħixu bid-dimensja u lill-familji tagħhom

 

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Arċidjoċesi ta’ Malta ffirmaw Ftehim bil-għan li jkomplu jsaħħu l-għarfien dwar id-dimensja, il-prevenzjoni tagħha u l-appoġġ fil-komunitajiet lokali.

 

Dan il-ftehim, li ġie ffirmat fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Dr Deo Debattista, se jwassal biex id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-AACC jipprovdi taħriġ speċjalizzat lill-kappillani, lill-membri tad-Djakonija, lill-membri tal-kleru, lill-impjegati tal-Arċidjoċesi u lil persuni oħra involuti fil-ħidma pastorali u komunitarja.

 

It-taħriġ se jiffoka fuq informazzjoni dwar il-kundizzjoni tad-dimensja u tal-impatt tagħha fuq il-persuni u l-familji tagħhom, filwaqt li jipprovdi għarfien prattiku dwar kif wieħed jista’ jikkomunika u joffri appoġġ xieraq lil persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

 

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, saħaq fuq l-importanza li l-għarfien dwar id-dimensja jasal fil-qalba tal-komunitajiet. “Il-memorja tista’ tiddgħajjef, iżda d-dinjità tal-bniedem qatt m’għandha tintesa. Dan il-ftehim huwa pass importanti biex inkomplu nibnu komunitajiet aktar inklużivi, fejn il-persuni li jgħixu bid-dimensja u l-familji tagħhom isibu l-fehim, ir-rispett u l-appoġġ li jistħoqqilhom. Il-kura ma għandhiex tieqaf mal-bieb ta’ istituzzjoni, iżda għandha tasal fil-komunitajiet tagħna, u dan nistgħu nagħmluh permezz ta’ kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

 

Id-Direttur tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali Mons. Dr André Zaffarese qal, “Il-Knisja hi dejjem qrib il-persuni vulnerabbli u l-familji tagħhom. B’dan it-taħriġ speċjalizzat, min jagħti sehmu fil-parroċċi se jkun aktar ippreparat biex jagħraf il-bżonnijiet u jakkumpanja lil dawn il-persuni b’rispett u sensittività”.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Michael Farrugia stqarr, “Wara kollaborazzjoni ma’ numru ta’ kunsilli lokali, issa qed nibdew dan il-ftehim mal-knisja għax irridu nestendu aktar l-għarfien dwar il-fażi bikrija meta persuna jibda jgħix bil-kundizzjoni tad-dimensja, u aktar tard, kif ukoll kif dawn il-persuni jkunu appoġġjati huma kif ukoll il-familjari u carers tagħhom.”

 

Il-parroċċi għandhom rwol importanti fil-ħajja tal-komunitajiet Maltin u ħafna drabi jkunu fost l-ewwel punti ta’ kuntatt għall-anzjani u l-familji tagħhom. Permezz ta’ dan it-taħriġ, persuni involuti fil-ħidma tal-Knisja jkunu jistgħu jagħrfu aħjar sitwazzjonijiet fejn individwi jew familji jkollhom bżonn għajnuna addizzjonali u jiggwidawhom lejn is-servizzi professjonali offruti mill-AACC.

 

Din il-kollaborazzjoni hija parti mill-ħidma kontinwa biex titnaqqas l-istigma marbuta mad-dimensja u biex jiġi promoss ambjent aktar inklużiv, fejn kull persuna tibqa’ tħossha rispettata, milqugħa u appoġġjata fil-komunità tagħha.

 

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi offruti mill-AACC, il-pubbliku jista’ jikkuntattja liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900 jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-dimensja
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-dimensja
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

Aktar Stqarrijiet Right arrow